Edukazzjoni
Itejbu il-ħiliet fil-kitba u l-qari ma’ ex plejers tat-tim nazzjonali tal-futbol

360 tifel u tifla fl-aħħar sentejn tejbu il-livell tal-qari u l-kitba tagħhom permezz tal-football. Dan it-titjib seħħ permezz ta’ programm f’għadd ta’ skejjel li jgħaqqad il-litteriżmu mal-aktar sport segwit fid-dinja.  Il-programm organizzat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu jlaqqa’ l-istudenti ma’ ex plejers tat-tim nazzjonali kif se nsegwu fis-servizz.

Saviour Darmanin, Carmel Busuttil u Gilbert Agius. Tliet ismijiet sinonimi tat-tim nazzjonali Malti tal-Football. Illum dawn it-tliet plejers m’għadhomx marbuta biss mal-ambjent tal-ground iżda wkoll mal-klassijiet tal-iskejjel bil-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’.

F’sessjonijiet mat-tfal jinqraw stejjer u artikli fuq il-football flimkien ma’ eżerċizzji fi dressing room mibdula f’librerija, u wara jsir taħriġ fiżiku u logħob tal-ballun.

”Meta kont żgħir kont naqa’ taħt il-kategorija li nħobb il-football, naf naqra imma ma kontx nieħu gost naqra għax ma kienux ituni kotba tal-gosti tiegħi. U l-idea kienet li permezz tal-football inressqu lit-tfal viċin tal-ktieb.”

L-eks goalkeeper tat-tim nazzjonali jkun akkumpanjat minn Daniela Attard, għalliema li tieħu ħsieb il-litteriżmu f’dan il-programm speċjali relatat mal-football.

”Nagħmlu sessjonijiet ta’ logħob li għandu x’jaqsam ma’ kitba, eżempju jiktbu kelma u jridu joħorġu kliem li għandhom x’jaqsmu ma’ football. Niktbu poeżiji wkoll.”

Il-Kap tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Litteriżmu, David Muscat qal li dan il-programm ta’ 10 ġimgħat ġie msejjes fuq programm bħali li jsir fl-Ingilterra b’kollaborazzjoni mal-Premier League Ingliż. Qal li fl-aħħar sentejn ħadu sehem mat-360 tifel u tifla, li kellhom titjib medju ta’ żewġ skaluni skont il-kriterji internazzjonali tal-qari u l-kitba.

”Mil-lat ta’ attitudni rajna li t-tfal li jsegwu il-programm jibdew jitħajru aktar bil-Malti u bl-Ingliż imma aktar minn hekk, meta nagħmlu assessjar fil-bidu u anke fl-aħħar, sibna li t-tfal itejbu l-ħila tagħhom fil-qari u anke fil-fehim.”

Is-Sur Muscat kompla li l-programm qed jixpruna speċjalment lis-subien li jaqgħu lura fil-qari. Qal li l-iskejjel li joffru lezzjonijiet ta’ qari gwidat fil-kurrikulu tagħhom, jistgħu japplikaw biex jieħdu sehem fil-programm, bl-aġenzija tagħżel l-iskejjel li jkunu se jieħdu sehem skont kriterji stabbiliti. Anke l-istudenti jgħaddu minn skrutinju biex jintgħażlu, fosthom billi jrid ikollhom interess fl-isport. F’dan il-programm bil-qari u l-kitba niskorja qed isir b’kollaborazzjoni ma’ diversi klabbs tal-football li joffru l-grounds tagħhom biex isiru dawn il-lezzjonijiet li jtulu sa siegħa wara li tispiċċa l-iskola.

 

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Anzjan ta’ 72 sena minn Ħal Qormi ġarrab ġrieħi gravi wara li allegatament ġie aggredit minn tliet persuni f’attentat ta’ serqa. Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija fi Triq…

Lokali

Il-pulizija qed tavża lis-sewwieqa biex jevitaw il-bypass tal-Imrieħel fid-direzzjoni lejn il-Marsa hekk kif it-triq hija temporanjament magħluqa għat-traffiku minħabba li seħħ inċident tat-traffiku. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa neqsin għoxrin ta’…

Kultura

Jiem ta’ briju, kuluri u karrijiet jintemmu llejla bl-isfilata finali tar-renju tal-karnival. Fi Triq Sant’Anna TVM segwa l-aħħar defilè li tagħlaq l-edizzjoni tal-karnival din is-sena, anki b’xandira diretta fuq TVM2….

Aktar