Barranin
Itemmu qamar il-għasel fl-għassa wara li r-raġel ġie arrestat bi żball

Wara qamar il-għasel Juan u Cristina sabu ma’ wiċċhom il-pulizija bir-raġel jispiċċa arrestat fl-għassa f’Madrid bi żball.

Juan, is-sindku ta’ villaġġ żgħir f’Castilla La Mancha spiċċa f’ċella u Cristina, avukata li għadha kemm gradwat titlob lill-pulizija biex jeħilsuh.

Kien il-ħadd filgħodu meta kienu għadhom kemm waslu mill-Istati Uniti u kienu għaddejjin mill-Ajruport li sabu lil Pulizija ma’ wiċċhom.

Jidher li Juan anqas kellu l-iċken idea għala ġie arrestat. Mal-ħin Cristina saret taf li b’mod indirett Juan kien involut f’inċident fuq il-post tax-xogħol u l-Imħallef ħareġ mandat ta’ arrest. Jidher li wara li saru aktar investigazzjonijiet, il-każ waqa’ iżda l-Maġistrat nesa jħassar il-mandat t’arrest.

Cristina qalet li kienet diffiċli għaliha li tara li żewġha arrestat wara li kienu għadhom kemm ġew mill-qamar il-għasel.

Wara li għamel 24 siegħa arrestat il-Qorti ammettiet li r-raġel ma għamel xejn ħażin u talbet skuża lill-koppja. Minkejja dan meta l-koppja talbet għal kumpens ta’ €6,000 il-Qorti tathom kumpess ta’ €126 biss.