Lokali
Itenni l-impenn għal iktar kwalità u inklussività fuq l-istazzjon nazzjonali

Xahrejn mill-bidu tal-iskeda l-ġdida tal-istazzjon nazzjonali, saret laqgħa ta’ konsultazzjoni organizzata mill-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, biex il-producers għamlu suġġerimenti biex jitjib il-prodott li jasal għand il-konsumatur permezz tal-programmi li jixxandru fuq TVM u TVMnews+, Radju Malta, Radju Malta 2 u Magic Malta u s-sit elettroniku tvm.com.mt.

Il-Ministru Carmelo Abela, responsabbli fost oħrajn mix-xandir nazzjonali, esprima sodisfazzjon li l-producers innutaw titjib fl-operat tal-istazzjon nazzjonali filwaqt li tenna l-impenn għal iktar kwalità u inklussività fuq l-istazzjon nazzjonali.

Il-producers tal-programmi fuq l-istazzjon nazzjonali reġgħu ngħataw opportunità biex isemmgħu leħinhom dwar l-isfidi u l-ambizzjonijiet tagħhom fl-isfond tal-iskeda l-ġdida ta’ TVM u TVM News+.

Bit-tema ‘Inkomplu Nsaħħu x-Xandir Flimkien’, l-għan tal-konsultazzjoni hu li l-istazzjon nazzjonali jisma’ l-fehmiet tal-producers tal-programmi dwar x’sar u x’għandu jsir ħalli jkompli jitjib l-operat tal-istazzjon nazzjonali.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services, Dr Mark Sammut, qal li l-bieb tal-istazzjon nazzjonali dejjem se jibqa’ miftuħ biex jisma’ s-suġġerimenti tal-producers ħalli l-konsumatur jibqa’ jirċievi l-aqwa servizz.

“Dawn il-meetings mal-producers li jagħmlu parti mill-PBS huma importanti ħafna u rridu nisimgħu x’qed jgħidu u rridu naraw kif nistgħu nagħmlulhom ħajjithom aħjar u finalment, il-prodott jiġi aħjar.”

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela li hu responsabbli fost oħrajn mix-xandir nazzjonali, tkellem dwar l-importanza li kulħadd jiġbed ħabel wieħed ħalli l-ambizzjonijiet tal-producers jissarrfu f’produzzjonijiet inklussivi u ta’ kwalità.

“M’għandniex biss inħarsu lejn dak li hu lokali imma għandu jkollna l-aspirazzjoni ta’ barra minn Malta. Diġà kien hemm xi produzzjonijiet li għamlu suċċess barra minn Malta però nemmen li għandu jkun hemm iktar u nemmen li l-potenzjal qiegħed hemmhekk u jkun ħasra jekk ma naħdmux għal dan.”

Il-Ministru Abela qal li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw iktar opportunitajiet f’din l-industrija ħalli jkollhom fejn jimirħu fil-karriera tagħhom. Il-Ministru Abela nnota li anki l-producers innutaw li sar titjib fit-tmexxija tal-PBS u qal li l-kumpanija impenjata li tkompli ttejjeb l-operat tagħha għall-ġid tal-industrija.