Immigrazzjoni
Itennu l-appell biex it-tliet ġuvintur tal-El Hiblu ma jibqgħux mixlija b’terroriżmu

Tliet għaqdiet qed itennu l-appell lill-awtoritajiet biex jirtiraw l-akkużi ta’ terroriżmu kontra tliet ġuvintur li sentejn ilu kienu fost iktar minn 100 immigrant abbord il-vapur El Hiblu 1.

L-immigranti, li kienu ġew salvati fis-26 ta’ Marzu 2019 bdew jipprotestaw u ħatfu l-vapur għal xi ħin, għax ma ridux li jiġu rritornati lejn il-Libja.

Il-Kummissjoni għall-Immigranti, JRS Malta u l-Kummissjoni għall-Ġustizzja u l-Paċi qalu li t-tliet ġuvintur ta’ 15,16 u 19-il sena kienu għamluha ta’ interpreti bejn l-ekwipaġġ tal-vapur u l-immigranti.

L-għaqdiet qalu li jekk jinstabu ħatja, il-ġuvintur jistgħu jeħlu għomorhom il-ħabs. Esprimew il-fehma li l-ġustizzja ma tkunx qed tagħmel xogħolha jekk tipproċessa persuni għax ikunu rreżistew li jmorru lura f’pajjiż fejn jistgħu jiġu arrestati bla aċċess għall-kura u fejn x’aktarx jiġu msawta, stuprati jew sfurzata jxaħħmu, barra abbużi oħra.

Fl-anniversarju tal-wasla ta’ dawn l-immigranti f’Malta, l-għaqdiet stqarrew li jridu jfakkru lill-Gvern fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju tan-Nazzjonijiet Magħquda għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex ikunu kkunsidrati mill-ġdid akkużi sproporzjonati ta’ terroriżmu.

Ara wkoll:

Meħlusa mill-arrest iż-żgħażagħ li allegatament ħatfu l-vapur ‘El Hiblu 1’