IVA: il-kampanja tal-‘Le’ niexfa mill-kredibbiltà

IVA, Bħala Maltin u Ewropej qalet fi stqarrija li tal-kampanja kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa qed jgħawwġu l-fatti, l-aktar fuq is-sostennibbiltà tal-istaġun limitat ta’ kaċċa fir-rebbiegħa. Dan l-aġir, qalet jistona mal-fatt li l-kelliem ewlieni tal-‘Le’, Saviour Balzan, ġie mħallas sew sabiex hu stess jinnegozja f’isem Malta staġun ta’ kaċċa fir-rebbiegħa skont il-parametri tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea.

Il-kamp IVA qal li f’diskussjonijiet bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea fil-11 ta’ Lulju 2002, Balzan kien saħaq li, “Il-passa tal-gamiem u s-summien fil-Ħarifa hija insinifikanti u t-tneħħija tal-kaċċa fir-Rebbiegħa tkun tfisser it-tneħħija tal-kaċċa minn pajjiżna.”  Qal li fl-istess laqgħa Balzan kien semma wkoll kif il-kaċċa hija attività leġittima b’għeruq fondi fl-attività kulturali ta’ pajjiżna.

IVA, Bħala Maltin u Ewropej qalet li quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet tinnota li l-kampanja tal-‘Le’ hija niexfa mill-kredibbiltà.

B’reazzjoni għal dan, Saviour Balzan qal fi stqarrija li t-trattat ta’ adeżjoni ta’ Malta kien jgħid li l-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta kellha tieqaf jekk ma tinstabx alternattiva għaliha u qal mhux minnhu li kien negozjat li ssir kaċċa fir-rebbiegħa.

Balzan qal li d-deroga tinħareġ minn Gvernijiet u ma tiġix negozjata.  Qal tant hu hekk li l-Gvern fi 2004 ħareġ deroga.  Dak iż-żmien qal Balzan kien ilu li telaq milli jaħdem mal-Gvern u kien jaħdem bħala ġurnalist.

Huwa sostna li hu dejjem kont konsistenti fil-fehmiet tiegħu dwar l-ambjent u l-kaċċa. Qal li l-kummenti li qed ibiddel id-diska skont min qed iħallas hija malafamanti. Qal li mhux qed jitħallas biex jitkellem jew jaħdem favur il-kampanja Le kontra l-kaċċa u qal jirriserva d-dritt li jieħu passi legali.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Mit-Tnejn li ġej l-Università ta’ Malta se jibdew ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni għal tliet elef u ħames mitt student, li aktar minn sittin fil-mija minnhom huma nisa. F’quddiesa ta’ ringrazzjament, l-Isqof…

Statistika

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li kien hemm 31 studenti tfajliet li ġew riferuti lis-servizz Għożża tul is-sena skolastika li għaddiet. Is-servizz Għożża joffri għajnuna lil tfajliet fl-età tal-iskola obbligatorja…

Lokali

565 persuna kienu rrapportati lill-Pulizija bħala nieqsa mill-bidu tas-sena sa tmiem Settembru. Minn dawn il-persuni 514 instabu waqt li 51 oħra għadhom irrapurtati nieqsa. Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Affarijiet…

Aktar