Politika
AĠĠORNAT: Ivan Bartolo jirriżenja mill-Parlament biex iċedi postu lil Bernard Grech

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo llum qed jirriżenja mill-Parlament biex iċedi postu lil Bernard Grech, li s-Sibt ġie elett bħala kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

L-ittra ta’ riżenja tad-deputat Bartolo nqrat mill-Ispeaker Anġlu Farrugia fil-bidu tas-seduta tat-Tnejn. Fl-ittra u f’diskors qasir li għamel, id-deputat Bartolo qal li jemmen f’attitudni pożittiva u saħaq fuq il-bżonn li tinbidel l-attitudni minn politika partiġġjana għal waħda matura.

Huwa qal li l-Parlament jimxi ’l quddiem b’Oppożizzjoni aktar b’saħħitha, effettiva u kredibbli biex issaltan il-governanza tajba u d-demokrazija.

Is-Sur Bartolo nħatar deputat f’Marzu li għadda wara elezzjoni każwali minħabba r-riżenja dak iż-żmien tal-avukat Marthese Portelli mill-bankjiet tal-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia u d-Deputat Kap tal-Oppożizzjoni, David Agius, raddew ħajr lid-deputat Bartolo tas-sehem tiegħu fil-Parlament.

Intant, il-Whip tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar, informa lill-Kamra li Bernard Grech mistenni jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala membru parlamentari t-Tlieta wara nofs inhar. Il-ġurament tal-ħatra bħala Kap tal-Oppożizzjoni mbagħad jieħdu fl-Uffiċċju tal-President ta’ Malta l-Erbgħa.

Ara wkoll:

Ivan Bartolo lest li jċedi s-siġġu parlamentari tiegħu lill-Kap tal-PN Bernard Grech