Kronaka
Ivvandalizzata l-istatwa ta’ Sant’ Antnin fil-park ta’ Wied il-Għajn

Fil-family park ta’ Wied il-Għajn, statwa ta’ Sant’ Antnin bil-Bambin Ġesù f’idejh ġiet ivvandalizzata, x’aktarx mal-lejl. L-istatwa spiċċat bl-irjus ta’ Sant’ Antnin u tal-Bambin imqaċċta.

L-istatwa tinsab mal-kappella ddedikata lil Sant’ Antnin ta’ Padova, li nbniet fl-1675. Il-festa tagħha tiġi ċċelebrata kull sena fit-13 ta’ Ġunju b’quddies fuq iz-zuntier tal-kappella.

Persuni li jżuru l-park regolarment ikkummentaw fuq il-midja soċjali li ilhom jaraw grupp ta’ żgħażagħ iwettaq vandaliżmu f’dan il-park, u li għamlu rapporti lill-Pulizija.

Intant, il-Parroċċa ta’ Marsaskala qalet li tinsab iddispjaċuta b’dan l-att vandalu, u ser tagħmel ħilitha biex l-istatwa tiġi rrestawrata. Qalet li kull għajnuna hija apprezzata.