Ippjanar u bini
Ivvutati €3 miljun oħra għal min laħaq applika biex jirrestawra daru

F’erba’ snin, l-Awtorità tal-Ippjanar se tkun għenet fir-restawr ta’ ‘l fuq minn elfejn proprjetà privata li jinsabu fil-parti l-antika tal-bliet u l-irħula. Dan permezz tal-iskema ‘Irrestawra Darek’ li għaliha l-Awtorità se tkun ħarġet €23 miljun f’għajnuna lill-applikanti eliġibbli. Aktar minn 260 applikant li kienu f’lista ta’ stennija issa għandhom ċans igawdu wkoll minn din l-iskema.

Mixja fil-parti l-antika ta’ lokalitajiet bħar-Rabat, is-Siġġiewi, l-Imqabba u Ħal Lija tlaqqgħek ma’ djar mibnija snin ilu b’faċċati l-ġmiel tagħhom u miżmuma f’kundizzjoni tajba ħafna. Għal żmien twil, ħafna kienu jistkerrħu jixtru djar tax-xorta, tant li diversi kienu qed jibqgħu vojta, Fattur li kien jaqta’ qalb ħafna kienu l-ispejjeż konsiderevoli biex dawn il-proprjetajiet jiġu rranġati.

Fi tliet snin, il-flus allokati għall-iskema Irrestawra Darek inħatfu dejjem f’qasir żmien, bl-applikanti ħadu bejn €10,000 sa massimu ta’ €100,000 jekk binja tkun skedata. Għalkemm fil-Budget ma tħabbarx jekk din l-iskema hix se terġa’ tiġi offruta, l-Awtorità tal-Ippjanar ivvutat €3 miljun biex tissodisfa t-talbiet ta’ 266 applikant li fl-aħħar ħarġa tal-iskema l-applikazzjoni tagħhom kienet daħlet u l-fondi kienu laħqu spiċċaw. Joe Azzopardi, uffiċjal fl-Awtorità tal-Ippjanar, spjega li dawk fil-lista li għadhom interessati jridu jinfurmaw b’email lill-Awtorità sa nofs ix-xahar id-dieħel.

“Jekk kellhom konvenju u sar il-kuntratt iridu jissottomettu l-kuntratt u jekk għadhom fuq konvenju jridu jdaħħlulna estensjoni tal-konvenju u eventwalment meta jsir il-kuntratt tiġi proċessata l-applikazzjoni. Il-flus jitwarrbu. Imma tigi proċessata aktar tard għax id-dar trid tkun tiegħek meta jingħata l-grant,” spjega s-Sur Azzopardi.

Lil dawn l-applikanti, l-Awtorità tal-Ippjanar se tagħtihom żmien sal-2024 biex ilestu x-xogħlijiet. F’każ li hemm min kompla bil-ħsieb tiegħu u lesta x-xogħol, iridu jinfurmaw li r-restawr tal-proprjetà sar.

“Jekk l-irċevuti li għandhom huma datati minn jew wara l-1 ta’ Ġunju 2019 dawk ukoll jikkwalifikaw; jekk ix-xogħol sar u sar sew skont il-permess u hemm nota fil-file li x-xogħol sar skont il-permess. Jekk ix-xogħol hu ta’ manutenzjoni, dak ma jkunx hemm bżonn permess.”

Bħal kwalunkwe restawr ieħor fuq faċċati ta’ djar, ix-xogħol irid isir bil-permess. L-iskema tkopri xogħol fuq il-ġebla, aperturi u ħadid. Għal djar skedati, li huma proprjetajiet li l-Awtorità tipproteġi bil-liġi minħabba l-valur tagħhom, l-iskema kienet tassisti wkoll għal interventi fuq ġewwa u anke f’ġonna.