Politika
Iwasslu l-messaġġ tagħhom u jawguraw lill-korp diplomatiku

Ir-rappreżentanti diplomatiċi biddlu wkoll l-awguri f’laqgħat mal-partiti politiċi.

Fil-laqgħa mal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-PN Adrian Delia saħaq li l-partit bil-messaġġ tiegħu “Soċjetà li Jimpurtaha” jemmen li jrid jitħares l-interess nazzjonali, is-sovranità u l-interessi ekonomiċi waqt li jitħarsu wkoll il-ħajja umana b’rispett lejn il-liġijiet internazzjonali. Dr Delia tkellem dwar l-effetti tal-Brexit u l-isfidi tal-instabbiltà fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-immigrazzjoni hija fenomenu li rridu nifmuh aktar, hekk kif aktar persuni qegħdin jimxu minn pajjiż għall-ieħor minħabba diversi ċirkostanzi fosthom tibdil fil-klima, il-gwerer u l-faqar u għalhekk id-dinja trid tinbidel għal dawn ir-realtajiet ġodda.

Intant, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Chris Cardona, waqt li wassal l-awguri tal-Partit Laburista lid-diplomatici, tkellem dwar l-istabbiltà politika f’Malta. Dwar l-immigrazzjoni, Dr Cardona qal li għal darb’oħra Malta kienet protagonista biex jintlaħaq ftehim fil-każ tad-49 immigrant li wara bosta jiem żbarakaw f’Malta bi ftehim ma’ tmien pajjiżi.

Huwa tkellem ukoll dwar il-Ġnus Magħquda u n-network internazzjonali ta’ ambaxxati li Malta għandha u li permezz tagħhom trid tkompli tibni relazzjonijiet politiċi, tidentifika opportunitajiet ekonomiċi u ssaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta madwar id-dinja.