Lokali
Iwieġbu li Vella twaqqaf minn xogħlu fil-ħabs wara li daħal fis-sakra meta kien bil-prison leave

Skont it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-priġunier Brian Vella twaqqaf milli jaħdem fil-ħabs għax daħal fis-sakra wara li kien ingħata ‘prison leave’ biex imur għal tieġ tal-familja.

Dan jirriżulta minn rikors li tressaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea mill-avukat tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi wara kawża li fetaħ il-priġunier Vella li allega li fil-ħabs hemm kampanja ta’ terrur, biża u tortura.

Il-priġunier qed ikun irrappurtat jgħid li dan qed isir fil-konfront tiegħu minħabba li jaf b’reat imwettaq il-ħabs madwar 3 snin ilu u li baqa’ mistur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, il-Kurunell Alex Dalli ċaħad li l-priġunier Brian Vella twaqqaf minn xogħlu u mhux jitħalla jikkomunika ma’ qrabatu minħabba li jaf għandu informazzjoni dwar reat kriminali mwettaq fil-ħabs fl-2018.

Vella qed jiskonta s-sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li f’ġuri nstab ħati tal-qtil doppju tal-koppja anzjana Geraldu u Ġuża Grima fi Frar tal-2000 f’darhom f’Santa Luċija.

Fil-jiem li għaddew, rapporti qalu li Vella talab lill-Qorti biex issir inkjesta maġisterjali dwar dak li qed isejjaħ bħala kampanja ta’ biża, terrur u tortura mill-gwardjani tal-ħabs li hu u priġunieri oħra qed jesperjenzaw fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Vella, li għandu 41 sena, fetaħ kawża l-Qorti fuq trattament inuman fil-ħabs u qed jallega li ilu 21 sena fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u li t-tmexxija tal-ħabs qatt ma kienet ħażina daqs kemm hija bħalissa.

Rapporti fil-media qalu li l-priġunier qed jallega wkoll li lest jaħlef b’ġurament li s-siġġu tat-tortura jeżisti u li ntuża kemm-il darba.

F’rikors imressaq dalgħodu, il-Kurunell Dalli ċaħad l-allegazzjoni li saret minn Vella li fil-ħabs hemm kampanja ta’ biża’ u terrur. Qal li Vella twaqqaf mix-xogħol ta’ mastrudaxxa li għalih kien jingħata €300 fix-xahar għax wara li kien ingħata prison leave biex jattendi tieġ tal-familja, irritorna fil-faċilità fis-sakra, beda jiġġieled u aggredixxa lil uffiċjali bil-konsegwenza li tilef il-privileġġ li jaħdem.

Dwar is-siġġu tat-tortura, fir-rikors, il-Kurunell qal li dan mhux intiż biex jikkaġuna tortura iżda huwa għodda li jintuża f’każ estrem meta priġunier jaġixxi b’mod li jkun ta’ periklu għalih innifsu u jitrażżan fuq parir ta’ professjonisti mediċi.

Fir-rikors jingħad ukoll li l-faċilità dejjem hi suġġetta għall-iskrutinju ta’ organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, fosthom il-Kumitat Ewropew dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura li nnota l-avvanzi li saru fit-tmexxija tal-Faċilità.

F’kummenti lill-ġurnalisti dwar dawn l-allegazzjonijiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurta Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li mhux se jikkumenta dwar il-każ u se jistenna x-xhieda tal-uffiċċjali tal-ħabs. Madanakollu qal li Vella qed jinżamm f’ċella b’moniteraġġ permezz ta’ kamera tas-sigurtà.