Lokali
Iwissi dwar il-possibilta’ ta’ żieda fl-imħatri mill-Maltin fuq il-logħob tal-EURO 2020

Filwaqt li l-ispirtu tal-Euro 2020 iktar qed jinħass iktar wara madwar ġimagħtejn ta’ partiti, ikun hawn min tiġih it-tentazzjoni li jilgħab xi mħatra fuq liema tim se jirbaħ u b’liema skor se tintemm il-logħba. Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli qed tappella biex ma jintilifx il-kontroll għax min jirkbu dan il-vizzju jaf ikollu riperkussjonijiet serji fuq l-istil ta’ ħajja li jgħix.

Qed noqorbu lejn tmiem l-ewwel fażi tal-kampjonat tal-futbol l-Euro2020 u l-akkaniżmu għal-liema tim se jirbaħ il-partiti tal-fażi li jmiss diġà beda jinħass. Iżda lil hinn mill-ispirtu sportiv, uffiċjal mill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli Kayne Said qal lil TVM li hawn min jieħu din l-okkażjoni biex tiġih it-tentazzjoni li jilgħab il-flus u jispiċċa vittma tal-vizzju tal-logħob tal-azzard.

“Avvenimenti Ewropej u anki dinjin bħal dawn f’dan il-każ il-logħob tal-Euro 2020, jagħti l-lok ta’ iktar logħob, ma tistax tiġġeneralizza, ma tistax tgħid li llum il-ġurnata li l-vizzju tal-logħob żdied minħabba dan l-avveniment partikolari imma iva, il-lok għal iktar logħob qiegħed hemmhekk”, qal Said.

Żied jgħid li l-avvanzi li saru fit-teknoloġija jagħmluha iżjed faċli biex jinqabżu l-limiti, u persuna saħansitra tibda tirriskja flusha bit-tama li almenu mhux biss tieħu ċ-ċans li tirbaħ imma almenu tikseb lura l-flus li tkun tilfet.

“Illum il-ġurnata t-teknoloġija tant avvanzat li llum il-persuna jista’ jilgħab mhux f’casino biss imma jista’ jilgħab fil-kumdità ta’ daru fuq is-sufan”, qal Said.

Staqsejna jekk jirriżultax persuni b’dan il-vizzju tonqsilhomx l-attenzjoni fuq l-affarijiet bażiċi tal-ħajja bħax-xogħol u l-familja.

“Jekk dawk il-kontrolli kemm ta’ ħin u kemm ta’ flus jibdew jinqabżu bil-mod il-mod, hemmhekk jista’ jagħti l-każ meta tibda tinfetaħ ftit it-tieqa bil-mod il-mod għall-vizzju tal-azzard fejn dan il-vizzju jista’ jwassal għall-patoloġija, kumpulsività”, qal Said.

Minkejja li l-uffiċjal mill-Fondazzjoni ma speċifikax kemm jirċievu telefonati jew talbiet għall-għajnuna kuljum, huwa qal li l-problema f’Malta hija waħda li toħloq kuxjenza.

Qal ukoll li mhijiex problema li tolqot biss lil xi faxxa partikolari tas-soċjeta, iżda saħaq li l-aċċess bla limitu għall-flus u l-ħin jistgħu saħansitra jkomplu jiggravaw l-problema.

Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli toffri diversi servizzi għall-persuni li jħossuhom li ntrikbu mill-problema u l-qraba tagħhom, fosthom li jgħinuhom jimlew formola li permezz tagħha jistgħu jeskludu lilhom nfushom minn postijiet tal-logħob meta l-vizzju jkun għelibhom u l-possibiltà li javviċinaw lill-fondazzjoni permezz tal-mezzi tal-midja soċjali erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.

Persuna tista’ tfittex l-għajnuna permezz taċ-chatline fuq www.rgf.org.mt u permezz tal-linja ta’ għajnuna nazzjonali 1777 erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.