Politika
“Ix-xahar li għadda l-Gvern kellu l-ogħla dħul finanzjarju fl-istorja għal Awwissu”- PM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li x-xahar li għadda l-Gvern kellu l-ogħla dħul finanzjarju fl-istorja għal Awwissu. Dr Abela spjega kif l-għoti tal-vouchers wassal biex żdied il-konsum privat; filwaqt li sostna li d-dħul jindika wkoll l-iktar rata baxxa ta’ qgħad fl-istorja.

Dwar l-attivitajiet li saru lejlet l-Indipendenza, il-Mexxej Laburista qal li spikkat id-differenza bejn iż-żewġ partiti, bil-Partit Laburista wera li hu magħqud, iffukat fuq il-ġejjieni u miftuħ għall-kritika; mentri l-Partit Nazzjonalista wera kemm hu mifrud u jiftaħar li kulma għamel hu biss huwa tajjeb u li jagħmel ħaddieħor ħażin.

F’kollegatement telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, tratta l-andament ekonomiku u finanzjarju tal-pajjiż u qal li n-nies jafu li l-Gvern ma jaħdimx b’mod li jwiegħed kollox lil kulħadd jew jgħid li se jagħmel kollox mil-lum għal għada, iżda jaħdem bi pjan li bih iwettaq dak li wiegħed.

Dr Abela qal li f’Awwissu l-Gvern kellu l-ogħla dħul finanzjarju fl-istorja għal dan ix-xahar: €180 miljun iżjed mis-sena l-oħra u €53 miljun iżjed minn Awwissu ta’ qabel bdiet il-pandemija. Spjega kif l-għoti tal-vouchers wassal biex żdied il-konsum privat għal-livell ta’ qabel il-pandemija, filwaqt li qal dan id-dħul rekord jindika wkoll li l-qgħad niżel għall-iktar rata baxxa fl-istorja.

Il-Prim Ministru qal li għar-raba’ sena konsekuttiva, il-gvern qed jagħti ċekk b’rifużjoni tat-taxxa għal kull min jaħdem, kemm fuq bażi full time u anki part time. Spjega li 250,000 ħaddiem qed jibbenefikaw mir-rifużjoni fit-taxxa bi €35 miljun jerġgħu imorru lura fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

Sejjaħ il-ħruġ tal-bonds 62+ bħala eżempju ċar kif il-gvern qed jgħin lill-pensjonanti, billi kull sena f’dawn l-aħħar tliet snin inħarġu mal-€100 miljun f’bonds għall-anzjani li permezz tagħħhom setgħu jfaddlu u jtejbu d-dħul tagħhom. Dr Abela qal li dawn huma skemi ta’ Gvern b’politika ekonomika progressiva li ma kinitx teżisti fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, bħalma ma kinux jingħataw iż-żidiet li l-Gvern qed jagħti sena wara l-oħra fil-pensjonijiet.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għad-diskors lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda bil-Prim Ministru jgħid li l-messaġġ li wasslet Malta kien jisħaq fuq il-ħtieġa għal dinja ugwali, inklussiva, reżiljenti u sostennibbli.

Qal li l-pandemija tat lezzjonijiet dejjiema u uriet li jekk irridu dinja aħjar, il-pajjiżi iridu jaħdmu b’impenn fl-ogħla livell politiku biex ikunu ndirizzati sfidi komuni li jinkludu l-qalba għal ekonomija diġitali u t-tibdil fil-klima bl-effetti li qed toħloq fuq il-pajjiżi, inkluż fuq il-klima f’Malta.

Dr Abela qal li bħala fundatur tal-assoċjazzjoni tal-gżejjer stati li qed jiżviluppaw, Malta wriet li lesta li tagħti kontribut lejn titjib fil-livelli politiċi, ekonomiċi u soċjali, fosthom biex jinstabu soluzzjonijiet fil-Libja.

Dwar il-laqgħa li l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew ser ikollu f’Malta, il-Mexxej Laburista qal li b’dan il-mod Malta turi li mhix biss osservatur fuq livell internazzjonali u ngħatat għarfien għar-riformi progressivi li saru dwar kwistonijiet bħall-ugwaljanza u x-xogħol li jwasslu għall-skambju ta’ ideat fi ħdan kuntest ta’ familja bi prinċipji komuni.