Lokali
“Ix-xelter Għabex sar it-tieni dar tiegħi”

Għoxrin sena ilu bħal daż-żmien l-Aġenzija Appoġġ fetħet ix-xelter Għabex li jilqa’ nisa u lil uliedhom li jkunu vittmi tal-vjolenza domestika. Tul dawn l-20 sena dan ix-xelter kien spalla u wens għal kull min rifes l-għatba tiegħu. Huma n-nisa infushom li sabu l-għajnuna f’dan ix-xelter, li jitkellmu ma’ TVM dwar l-esperjenza tagħhom.

“Allaħares ma jkunux xelters bħal dawn għax jien l-ewwel waħda, kieku għadni d-dar. Kieku għadni d-dar.” Kliem mara li kellha b’ta fuqha senduqa titlaq mid-dar biex tiskansa l-vjolenza domestika. Ix-xelter ‘Għabex’ f’dawn il-ġranet qed ifakkar l-20 anniversarju mindu fetaħ il-bibien tiegħu għall-vittmi tal-vjolenza domestika. Għoxrin sena, li matulhom dan ix-xelter immexxi mill-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. Saret it-tieni dar tiegħi, qalet omm oħra li ħabtet fuq il-bieb tal-Għabex u sabet mogħdrija u għajnuna.

“L-esperjenza tiegħi li ħadt minn ġox-xelter, għenitni ħafna u li għadni sal-lum il-ġurnata nkun se nagħmel pass fejn kont qabel, niftakar l-affarijiet li kienu jgħiduli li jien m’għandix għalfejn immur u jien b’saħħti biżżejjed biex inkompli waħdi.”

F’Għabex in-nisa jingħataw diversi servizzi ta’ għajnuna. Meta tirfes dan ix-xelter, ħaddiema soċjali jagħmlu assesjar tas-sitwazzjoni tal-mara jew omm li ħafna drabi tasal hawn b’li jkollha fuqha u xejn iżjed. Għaldaqstant tintalab l-għajnuna tal-pulizija biex tmur tiġbor l-affarijiet personali tagħha mid-dar.

“L-aħħar messaġġ tiegħi għan-nies li għaddejin mis-sitwazzjoni tiegħi huwa biex ma jaqtgħux qalbhom, ifittxu fejn jistgħu jsibu l-għajnuna. Għajnuna se jsibu żgur.”

It-tbatija emozzjonali, fiżika u saħansitra sesswali hija kalvarju li l-vittmi tal-vjolenza domestika jridu jġorru magħhom. L-Għabex joffri spalla għalihom fosthom anke b’għajnuna minn psikologi u support groups għat-tfal u għan-nisa fix-xelter stess. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali appellat biex kull min jgħaddi minn esperjenza ta’ vjolenza domestika, hija tinsab telefonata bogħod. In-numru huwa s-supportline 179, linja nazzjonali tat-telefon u miftuħa 24 siegħa kuljum.