Agrikultura
Ix-xerrejja kkonkorrew u ħareġ ħafna xogħol – bidwi li rama fil-Pitkalija

Bdiewa li ramaw fil-Pitkalija fis-sagħtejn ta’ dalgħodu raw il-biegħa tagħhom tinxtara sa qabel is-sebħ, minkejja li dan ix-xogħol is-soltu jsir mill-pitkala.

Huma kellhom ibigħu l-prodotti agrikoli tagħhom stess minħabba diżgwid li nqala’ bejn il-pitkala u l-Gvern dwar il-garanzija bankarja, li hija intiża biex tagħmel tajjeb għall-ħlas li l-pitkala jagħtu lill-bdiewa fl-aħħar tax-xahar.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Agrikoltura qal li dalgħodu kollox mexa sew fil-Pitkalija, u m’eskludiex li l-arranġament tal-lum jerġa’ jintuża l-Ħamis f’każ li l-kwistjoni tibqa’ mdendla.

Sa sbieħ it-Tnejn fil-Pitkalija, il-bdiewa kienu diġà biegħu l-prodotti tagħhom. Dan hekk kif minflok ħallew il-biegħa mal-pitkala, il-bdiewa dalgħodu għamluha ta’ bejjiegħa wkoll minħabba li l-pitkala ma ġeddewx il-garanzija bankarja u baqgħu mingħajr liċenzja biex joperaw.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Agrikoltura Sharlo Camilleri qal li l-bdiewa kkonkorrew bi ħġarhom u sas-sebgħa ta’ filgħodu, il-prodotti kollha kienu mibjugħa.

“Jien ninsab sodisfatt bil-mod kif marru l-affarijiet. Kollox mexa mal-pjan. Il-bdiewa bdew deħlin fis-sagħtejn sabu posthom permezz tal-ħaddiema tal-aġenzija u l-ministeru ġew imqassma biex ma jkunx hemm konfużjoni. Iktar tard daħlu x-xerrejja u l-operat mexa sew”, qal is-Sur Camilleri.

Pawlu Portelli hu wieħed mill-bdiewa li ħadu sehem f’din l-inizjattiva. Qal lil Television Malta li l-bdiewa kellhom jingħaqdu u jaħdmu għal għan komuni.

“Kien hawn ħafna biegħa, peress li kellna ġurnata iżjed għax il-ġimgħa l-oħra kienet l-Erbgha minħabba l-Ġimgħa l-Kbira. Imma x-xerrejja kkonkorrew u ħareġ ħafna xogħol”, qal Portelli.

Is-Sur Portelli spjega li dan hu żmien b’saħħtu għall-frawli. Hu stmat li dalgħodu kien hemm madwar 800 kaxxa ta’ seba’ kilo ‘il waħda mimlija frawli. Minn barra dan, bħalissa hu żmien il-qarabali u t-tadam. Il-bidwi spjega li għalhekk kien importanti li xorta jsibu mod kif ibigħu l-prodotti tagħhom, anke jekk ma qagħdux ifittxu għall-prezz, għax inkella il-ħxejjex u l-frott kienu jibqgħu ma’ wiċċhom.

S’issa m’hemmx diskussjonijiet skedati bejn il-Gvern u l-Pitkala, hekk kif l-Erbgħa fil-Qorti għandu jinstema’ l-mandat ta’ inibizzjoni li sar mill-pitkala, li skont is-Segretarju Permanenti Camilleri dan se jiddetermina x’se jsir il-Ħamis fil-Pitkalija.

“Il-mandat se jinstema’ nhar l-Erbgħa u minn hemm naraw ftit kif se nimxu wara dik il-ġurnata.
Jekk ma jkunx hemm avvanz fid-diskussjonijiet, il-Ħamis nerġgħu noperaw kif operajna llum.

Il-President tal-Assoċazzjoni tal-Pitkala, Jan Bonello, stqarr kif minn dak li raw fuq il-mexxi tax-xandir, huma kuntenti li kollox mexa sew. Għamilha ċara li l-mandat sar bl-intenzjoni li l-operaturi li jaħdmu pitkalija jiġu trattati l-istess. Kompla li ż-żieda fil-kummissjoni ntalbet biss biex tirrifletti s-servizz li kienu qed joffru.

Min-naħa tagħha, l-Għaqda Bdiewa Attivi qalet li dalgħodu l-bdiewa biegħu l-prodotti tagħhom bi prezzijiet raġonevoli u mingħajr ma kien hemm straġi fil-Pitkalija; filwaqt li l-Fondazzjoni Maya faħħret l-impenn tal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa li qalet irnexxielha tamministra kwantitajiet ta’ prodotti agrikoli aktar mis-soltu f’ħin limitat.