Lokali
“Ix-xewqa tiegħu lesta” – statwa ta’ Santa Marija f’Baħar iċ-Ċagħaq

Fil-bidu tax-xahar ta’ Awwissu…ix-xahar tal-Assunta…ġiet inawgurata statwa tal-Madonna m’għola tliet metri fuq il-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq.

F’Baħar iċ-Ċagħaq, saret realtà x-xewqa ta’ Rosario Borg li xahar qabel miet ried li f’dawn l-inħawi jkun hemm statwa ddedikata lil Santa Marija tal-Anġli. L-istatwa ġiet inawgurata f’ċerimonja simbolika bis-sehem tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li poġġew kuruna tal-fjuri f’idejn il-Madonna.

Il-benefatturi tal-istatwa huma s-sitt ulied ta’ Rosario.

Il-benefattriċi Jane Vella qalet: “Ix-xewqa tiegħu llum hi lesta. Żgur qed jaraha mis-sema għax kieku qiegħed hawn tgħidx kemm hu ferħan. Daqskemm aħna ferħanin li għamilnieha.”

Bint Rosario spjegat li din l-idea nibtet minn ħolma li kellu missierha waqt l-irqad.

Kien dejjem devot kbir lejn il-Madonna. U hi dehritlu. qal li ħassha. Ħassha ħdejh u qiegħda tkellmu u tgħidlu li minnu tixtieq din il-ħaġa. Hawnhekk inzerta li ma kellhomx din il-Madonna u saret. Saret realtà.

L-istatwa nħadmet fi tliet xhur.

L-artist Ramon Camilleri McKay qal: “Immudellajnieha fit-tafal imbagħad saret fil-fibre glass biex tkun tiflaħ għall-elementi peress li qiegħda esposta għax-xita u x-xemx, tkun tiflaħ għal dawn l-elementi tan-natura.”

Il-komunità ta’ Baħar iċ-Ċagħaq kellha seba’ mitt sena biex iżanżnu l-istatwa ta’ Santa Marija tal-Anġli. Stephen Mercieca ħa ħsieb li jibni l-bażi fejn tqegħdet l-istatwa.

Ir-resident Stephen Mercieca qal: “Tani daqqa ta’ id it-tifel u hekk. Jgħinni u jnewwilli. Ġejna fl-agħar ħin tax-xemx biex neħilsuha.”

Din l-istatwa għadha sinifikat partikolari għal Baħar iċ-Ċagħaq.

Il-gwardjan tal-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli, Patri Anton Farrugia qal:  “Aħna nixtiequ li tkun sinjal ta’ barka u ħarsien fuq din il-lokalità. Anki l-fatt li qiegħda barra u mhux ġewwa tbierek lil dawk li jiġu l-Knisja u kemm dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jiġux.”

Il-Franġiskani Minuri jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali tal-komunita’ f’Baħar iċ-Ċagħaq. Hawnhekk għandhom ukoll dar tal-irtiri.