COVID-19
‘Ix-xiri tat-tilqima minn Brussell għenet lil Malta’ – Id-Deputat Prim Ministru

Rapporti f’midja barranija faħħru lil pajjiżna għal mod kif qed jitmexxa l-programm tat-tilqim. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ġie kkowotat f’intervista li għamel mal-AFP fejn qal li s-suċċess ta’ Malta jista’ jiġi kkreditat għal fatt li l-vaċċini ġew imqassma lill-Istati Membri flimkien.

Madanakollu huwa saħaq li l-pajjiż qed jaħdem issa kontra l-varjanti tal-virus, fattur li hu ddeskriva bħala inkwetanti.

Id-Deputat Prim Ministru qal li x-xiri tal-vaċċin minn Brussell kienet mossa bla preċedent. Liema mossa fi kliemu għenet lil pajjiżna jakkwista biżżejjed dożi tal-vaċċin biex tiġi mlaqqma l-popolazzjoni kollha. Spjega li b’hekk, ġiet eliminata l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għal liema pajjiż jakkwista l-aktar vaċċini malajr.

Sal-bieraħ f’pajjiżna ingħatat talinqas doża waħda tal-vaċċin lil 10% tal-popolazzjoni, b’iktar minn 3% ta’ dawk li għandhom ‘l fuq minn 16-il sena diġà ingħataw ukoll it-tieni doża.

Ġie rrappurtat ukoll kif mill-ġimgħa li għaddiet beda jingħata l-vaċċin tal-AstraZeneca għal dawk bejn 18 u 55 sena.

Intqal kif din ir-rata tal-ivvaċċinar tpoġġi lil Malta fuq nett tal-lista tal-Unjoni Ewropea.