Toroq
Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew qabel tibda l-iskola

Ix-xogħlijiet li bih ser jiżdiedu żewġ karreġġjati fil-Marsa-Ħamrun Bypass għaddejjin b’ritmu mgħaġġel tant li mistenni jitlestew qabel tibda s-sena skolastika li jmiss minflok sal-aħħar t’April kif kien ippjanat.

Il-kongestjoni tat-traffiku li jinġemgħa spiss barra l-mini ta’ Santa Venera fid-direzzjoni lejn il-Marsa mistennija tittaffa sa Ottubru li ġej meta jitlestew qabel iż-żmien ix-xogħlijiet fuq it-twessigħ ta’ parti minn din it-triq ewlenija li tagħti lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż.

Fl-eqqel tal-ħin tat-traffiku s-sewwieqa jagħmlu 11-il minuta biex joħorġu minn taħt il-mina ta’ Santa Venera fid-direzzjoni lejn il-Marsa għax it-triq tagħlaq bħal-lembut iżda bil-proġett magħruf bħala Marsa-Ħamrun Bypass – din il-problema mistennija tiġi indirizzata.

Sarah Pace, il-Perit responsabbli mill-proġett li bih ser jiżdiedu żewġ karreġġjati mill-ħruġ tal-mina fid-direzzjoni lejn il-Marsa, spjegat li x-xogħlijiet saru f’diversi fażijiet biex ikun jitnaqqas l-inkonvenjent.

“Lestejna ħafna mix-xogħol fuq il-lane li tieħdok lejn is-south u lejn Ħal Qormi. Din il-ġimgħa tajna l-ewwel saff ta’ asfalt fil-karreġġjata li tagħti lejn is-South” qalet il-Perit Sarah Pace.

Il-Perit qalet li bil-proġett saru interventi fuq is-sistemi fid-drenaġġ, il-mejns tal-ilma u l-cables tal-elettriku tal-inħawi taħt it-triq biex f’każ ta’ ħsarat, ix-xogħlijiet isiru mingħajr ma jitwaqqaf l-andament tat-traffiku.

“Ħafna mix-xogħlijiet li saru f’dan il-proġett – sar taħt il-livell tat-triq fosthom hawnhekk f’dan il-culvert ta’ 350 metru li minnu għaddej tmien kilometri ta’ cables tal-elettriku” kompliet tispjega l-Perit.

Il-Perit Pace qalet li t-tieni fażi tinkludi l-bini mill-ġdid ta’ central strip biex, il-Marsa-Ħamrun Bypass jibda jkollha tliet karreġġjati f’kull direzzjoni.

“Apparti li nlestu l-bankini u l-gutters se nkunu qed naħdmu fuq is-central strip – se nneħħu c-central strip, se nġibu l-karreġġjata li sejra n-naħa tas-south se nittrasferixxuha fuq dan l-asfalt li għadna kemm għamilna u se nkunu qed naħdmu fuq is-central strip li ser tiġi shifted biex tiġi aligned mat-triq kif ġejja issa” kompliet tgħid il-Perit Pace.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv ta’ Infrastracture Malta, Fredrick Azzopardi qal li l-proġett kellu jitlesta fi żmien 13-il xahar iżda flok ser jitlesta f’April ser jitlesta lejn Settembru qabel tibda s-sena skolastika li jmiss.

Il-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg qal li dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ ħames miljun ewro, huwa parti minn pjan estensiv biex titjieb l-infrastruttura tat-toroq f’Malta.