Stejjer Umani
“Ix-xogħol tani dinjità” – Jacob żagħżugħ b’diżabilità

Jacob Cassar Ellul ta’ 21 sena li għandu diżabilità qal lil TVM li x-xogħol tah dinjità u jappella lil persuni b’diżabilità biex ma jaqtgħux qalbhom milli joħorġu fid-dinja tax-xogħol. Jacob ingħata xogħol wara taħriġ mill-programm Ink immexxi mill-Aġenzija Sapport b’fondi Ewropej.

Jacob ftit tal-jiem ilu beda xogħol mal-Ministeru tas-Saħħa wara taħriġ li ngħata mill-proġett Ink tal-Aġenzija Sapport. Minkejja d-diżabilità tiegħu, Jacob għandu ħila fil-komunikazzjoni u qalilna li x-xogħol qed jagħtih id-dinjità li xtaq. “Qed nagħmel filing u għalija qed nieħu pjaċir” qal Jacob.

Il-Manager tal-proġett Ink tal-Aġenzija Sapport, Marica Enriquez qalet li s-sena li għaddiet ħarġu 93 persuna b’diżabilità biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Marica Enriquez qalet “insegwu 3 gruppi f’sena u 8 xhur noffrulhom training, jibda minn dak bażiku sa dak li jipprattikaw kif iġibu ruħhom fuq post tax-xogħol”.

Omm Graziella Zerafa, Doreen, li segwiet ukoll il-kors ta’ Progett Ink qalet li minn meta bintha daħlet taħdem, qatt ma ratha daqshekk kuntenta.

Doreen Zerafa qalet “illum fuq ix-xogħol qiegħda għal qalbha u mxiet ‘il quddiem”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ JOBS Plus Clyde Caruana qal lil TVM li minn meta fl-2015 bdiet titħaddem l-liġi dwar il-kwota ta’ persuni b’diżabiltà fil-postijiet tax-xogħol iktar kumpaniji qed jifhmu li għandhom jagħtu ċans ta’ impjieg lil persuni b’diżabilità.

Clyde Caruana qal “għad baqa’ kumpaniji mhux in regola, madwar 500, imma l-bidla li rajna fil-mentalità anki kif employers imorru lil hinn biex jgħinu b’mod uman, jimlina kuraġġ”.

Skont il-liġi, kumpanija li timpjega aktar minn 20 persuna, trid timpjega 2% tal-impjegati tagħha minn fost il-persuni b’diżabilità.

Jacob qal li l-ħolma tiegħu hi li xi darba jkun kok professjonali, u appella lil persuni b’diżablità biex jieħdu t-taħriġ u joħorġu jaħdmu biex isibu l-milja tagħhom.

Jacob temm jgħid “importanti li taħdem għax dak jagħmlek indipendenti, mhux tiddependi fuq il-ġenituri jew dawk li tkun magħhom”.