Lokali
Ixxukkjata li l-pjanti f’Sant Anton kienu jissaqqew bl-ilma tal-borehole

Tlesta r-restawr ta’ ġibjun kbir fil-Palazz ta’ Sant’Anton biex issa se jkun hemm ħażna adegwata għall-ilma għat-tisqija tas-siġar tal-larinġ.

Wara aktar minn 30 sena mitluq u ma jżommx l-ilma, il-ġibjun taħt il-bitħa tal-Palazz ta’ Sant Anton tnaddaf u ġie rrestawrat biex issa jista’ jiġbor sa miljun u tmien mitt elf litru ta’ ilma għat-tisqija tas-siġar tal-larinġ fil-ġonna tal-Palazz.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li kienet ixxokkjata meta għall-ewwel li marret fil-Palazz ta’ Sant Anton saret taf li l-ġibjun ta’ 400 sena ma kienx jintuża u l-ilma biex jissaqqew il-ġonna kien jittella’ minn borehole.

Kompliet tgħid li għalhekk avviċinat lill-Fondazzjoni Coca-Cola biex tinkludi ‘l dan il-ġibjun fil-lista ta’ proġetti ta’ preservazzjoni tal-ilma.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ General Soft Drinks, Maria Micallef “Kien ilu ma jiġi mnaddaf mit-tmeninijiet, allura kellu bżonn jitbattal, jitnaddaf u jsiru xi structural works biex jerġa’ jiġi sod biżżejjed biex ikun jista’ jikkonserva l-ilma.”

Dan kien fost 17-il proġett li l-fondazzjoni għamlet fl-aħħar seba’ snin f’Malta bi spiża ta’ €850,000.