Qorti
Iż-Żabbarin tal-baqra jixtru l-każin qabel jinqata’ l-appell

Illum il-Qorti Kostituzzjonali qatgħet l-appell imressaq mill-Avukat Ġenerali kontra l-eks sidien tal-każin tas-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiae, Ħaż-Żabbar. Fl-appell, il-Qorti Kostituzzjonali ħassret l-ordni tal-iżgumbrament tas-soċjetà mill-każin. Madankollu, TVM hu infurmat li s-Soċjetà laħqet xtrat il-proprjetà mingħand is-sidien li dehru fil-Qorti.

F’Ottubru, 2016, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet sabet ksur tal-jeddijiet tas-sidien u kienet ordnat l-iżgumbrament tas-Soċjetà minn dan il-post. Il-Qorti kienet ikkundannat lill-Avukat Ġenerali sabiex iħallas lis-sidien €190,000 bħala danni (li jinqasmu €10,000 f’danni morali u €180,000 f’danni).

Dan il-fond kien ingħata b’kera lis-Soċjetà fl-1926 fejn maż-żmien kienet iġġedded il-kera. Is-sidien kienu qalu li għax il-kiri jiġġedded kull darba, b’mod li ma jistgħux jieħdu lura l-fond qed jinkisrulhom il-jeddijiet tagħhom. Għaldaqstant fl-ewwel deċiżjoni tagħha l-Qorti kienet ordnat lill-Avukat Ġenerali jħallas is-somma msemmija lis-sidien u ordnat lis-Soċjetà biex toħroġ mill-post.

Din is-sentenza ġiet appellata mill-Avukat Ġenerali u mis-Soċjetà, iżda s-soċjetà ċediet l-appell. TVM hu infurmat li s-Soċjetà ċediet l-appell hekk kif sadanitant xtrat il-proprjetà.

Wara li semgħet l-appell il-Qorti Kostituzzjonali qieset li minkejja l-għan soċjali li għalih jintuża l-post għandu jingħata kumpens sħiħ lil eks sidien, qieset ukoll li għalkemm il-liġi għandha l-għan soċjali, f’dan il-każ, l-għan soċjali mhux wieħed urġenti daqslikieku l-ħtieġa tal-post kienet li persuni jkollhom fejn joqogħdu, iż-żmien li l-eks sidien damu mċaħħda mill-post, id-diskrepanza sostanzjali bejn il-kera li kienu jirċievu l-eks sidien u l-kera li l-fond jista’ jrendi s-suq ħieles.

Għaldaqstant wara li qieset dan kollu, il-Qorti ordnat biex il-€180,000 jitilgħu għal €200,000. Il-Qorti qalet li peress li s-Soċjetà kienet qed tinqeda b’liġi tal-Istat m’għandhiex titqies li kienet responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tas-sidien iżda għandu jkun l-Istat, li għadda l-liġi u ħallieha fis-seħħ, li għandu jitqies responsabbli għal dan il-ksur. Flimkien ma’ dan il-Qorti Kostituzzjonali ħassret l-ordni tal-iżgumbrament tas-Soċjetà u ddikkjarat li s-Soċjetà ma tistax tkompli tiġġedded il-kera.