Enerġija
Iż-żejt għola iżda l-Gvern mhux se jgħolli l-kontijiet tad-dawl- il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li minkejja ż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt minħabba l-attakki fuq il-faċilitajiet taż-żejt fl-Arabja Sawdija, il-Gvern mhux se jgħolli il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.

F’laqgħa tal-kabinett li saret f’Santa Venera, Dr Muscat qal li kieku ma saritx ir-riforma fil-qasam tal-enerġija, il-Gvern kien ikollu jiddiskuti kif se jgħolli l-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’detriment għall-familji u n-negozji.

Dwar il-baġit għas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru qal li l-prijorità tal-Gvern hi li jkompli jwettaq dak li wiegħed lill-poplu fil-manifest elettorali.

Il-Prim Ministru qal li t-tħejjija għall-baġit ilha għaddeja tliet xhur. Spjega li l-prijorità ewlenija tal-Gvern hi li jkompli jimxi mal-manifest elettorali biex fi kliemu, dak li ġie mwiegħed jitwettaq. Dr Muscat ħabbar li fil-jiem ta’ qabel il-baġit tal-14 ta’ Ottubru, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni se jippubblika rapport b’rendikont tal-miżuri tal-budget għal din is-sena li twettqu u ta’ dawk li għadhom qed jiġu implimentati.

Dr Muscat irrefera għall-attakki fuq faċilitajiet taż-żejt fl-Arabja Sawdija li wasslu biex il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt jogħlew b’10 dollari kull barmil. Dr Muscat saħaq li kieku ma saritx ir-riforma fil-qasam tal-enerġija, il-Kabinett kien ikollu jiddiskuti dwar kif se jgħolli l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

“Il-familji Maltin u Għawdxin permezz tal-kontijiet tad-dawl mhu se jkollhom l-ebda effett fuqhom. Pajjiżi oħra dan bħal-lum se jkunu qegħdin jiddiskutu kif se jkun l-effett l-utilities fuq il-familji u tan-negozji.”

Mistoqsi dwar il-ġejjieni tiegħu, Dr Muscat baqa’ jtenni li se jaħdem biex jippreżenta u jimplimenta l-baġit għas-sena d-dieħla.

Dr Muscat ġie mistoqsi wkoll fuq l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, skont kif mitlub mil-Kunsill tal-Ewropa.

“M’għandix u m’għandna xejn x’naħbu. Meta nkunu sodisfatti li b’dak li qed nagħmlu mhux qed nippreġudikaw l-ebda każ, punt kruċjali hu meta tagħmel ħaġa tipprova ma timminax proċess ieħor ta’ proċess kriminali li għaddej u nemmen illi kważi wasalna għal dak il-bilanċ, inkunu qed inħabbru kif se nkunu qed inwettqu r-riżoluzzjoni tal-Kunsill.”

Fil-laqgħa tal-Kabinett, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-prinċipju tal-Gvern għall-baġit tas-sena d-dieħla hu li l-Gvern ma jonfoqx iktar milli jdaħħal. Qal li l-Gvern qed jippjana li jkollu r-raba’ surplus konsekuttiv.

Il-Ministru Scicluna elenka l-miżuri soċjali li daħħal il-Gvern, li qal għenu biex jitnaqqas il-faqar. Semma kif fl-2012, il-persuni fir-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali kien ta’ 25% u issa naqsu għal 19%. Il-Professur Scicluna qal li fil-baġit se jerġa’ jkun enfasi fuq l-oqsma soċjali fosthom il-persuni b’diżabilità, il-pensjonanti u l-akkomodazzjoni soċjali. Żied li l-baġit se jiffoka wkoll fuq it-tisħiħ tal-istitituzzjonijiet regolatorji fosthom fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Il-Ministru Scicluna qal l-ekonomija se tibqa’ għaddejja b’ritmu mgħaġġel għax it-tkabbir ekonomiku huwa sostenibbli. Il-Professur Scicluna qal li n-nuqqas ta’ ħaddiema għadu ta’ wġigħ ta’ ras għan-negozji.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Fl-isptar Mater Dei fil-preżenza ta’ uliedu Sonia u Charlene, Publius Borg kien jidher fi stat ta’ saħħa tajba, jumejn biss wara li sarulu intervent f’qalbu biex jevita attakk ta’ puplesija….

Kultura

Malta mogħnija b’mużewijiet u siti storiċi b’valur u wirt kulturali mprezzabbli fosthom il-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu fl-Ewropa li għadu miftuħ għall-pubbliku. Fil-ħsieb ta’ ħafna nies, il-mużewijiet u…

Lokali

L-Avukat Jean-Pilippe Chetcuti qal li d-ditta legali li huwa msieħeb fiha tilqa’ r-rapport li sar mill-uffiċċju tar-regolatur taċ-ċittadinanza b’investiment (IIP), b’rabta ma’ dak li xxandar minn programm televiżiv Franċiż fuq…

Kronaka

Raġel ta’ 83 sena residenti l-Fgura jinsab isofri minn ġrieħi gravi. Dan wara li dalgħodu, għall-ħabta tad-disgħa u nofs, hu ġie mtajjar. L-inċident seħħ fi Triq San Tumas fil-Fgura, meta…

Aktar