Attività
Iż-Żejtun jiċċelebra Jum l-Eroj Żwieten – disa’ persuni se jiġu onorati b’Ġieħ iż-Żejtun

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun se jkun qed itella’ lejla Mużiko-Letterarja bil-għan li jiċċelebra Jum l-Eroj Żwieten għada fit-8pm fi ħdan Ġnien l-Għannejja Żwieten magħruf bħala Ta’ San Girgor, iż-Żejtun. Serata, li se tkun waħda speċjali minħabba l-fatt li din is-sena ż-Żejtun ingħata t-titlu ta’ Destinazzjoni Ewropea ta’ Eċċellenza.

Is-serata se tkun imżewwqa b’mużika Maltija, b’vuċi mill-isbaħ mill-kantanta Miriam Christine Borg li fost l-oħrajn se tkun qed tkanta għadd ta’ kanzunetti mill-album il-ġdid ‘Dil-Mara’.

Waqt is-serata se jkunu qed jinqraw l-aqwa xogħlijiet letterarji minn kull kategorija li ġew sottomessi fil-Konkors Letterarju 2020, kif ukoll se jkunu qed joħorġu żewġ kotba bix-xogħlijiet li bihom ipparteċipaw f’dan il-konkors.

Għal darb’oħra, se jkun qed jingħata Ġieħ iż-Żejtun lil min ħadem qatigħ b’risq iż-Żejtun u ż-Żwieten fuq skala lokali, nazzjonali u internazzjonali. B’kollox, se jingħataw disa’ rikonoxximenti. Fosthom, Anzjanità Attiva, Fjamma Żagħżugħa, Wirt il-Ħarsien Kulturali u l-Isportiv tas-Sena.

Fi ftit kliem, is-serata mistennija tippromwovi dak li hu Malti billi fost l-oħrajn tixhed x’taf toffri l-lingwa Maltija. Lejla mill-isbaħ, li x’aktarx li se tinżel għasel ma’ dawk li għandhom għal qalbhom dak li jagħmilna Maltin.

Biex tirriserva post bla ħlas għal din is-serata tista’ tibgħat email bin-numru ta’ postijiet li tixtieq fuq [email protected] jew billi ċċempel fuq 21663866.