Lokali
Iż-żewġ ommijiet li ntbagħtu l-ħabs jistgħu jaraw lil uliedhom darba fil-ġimgħa u virtwalment kuljum

Żewġt itfal żgħar ingħataw il-jedd li jkollhom kuntatt kuljum b’mod virtwali ma’ ommijiethom u żjara ta’ darba fil-ġimgħa wara li spiċċaw jgħixu f’post alternattiv sakemm ommijiethom jiskontaw sentenza ta’ 6 xhur ħabs.

Id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal qiegħed liż-żewġt itfal ta’ 3 u 4 snin f’post alternattiv wara li fl-aħħar jiem il-Qorti bagħtet lil żewġ ommijiet Torok il-ħabs minħabba li kellhom dokumenti tal-ivvjaġġar foloz.

F’intervista ma’ TVM, id-Direttur għad-Direttorat għall-Ħarsien tat-tfal, Steve Libreri qal li xogħol id-direttorat hu li jassigura li t-tfal qed jgħixu tajjeb u protetti.

Iż-żewġt it-tfal li ġew separati minn ma’ ommhom minħabba li ż-żewġ nisa Torok instabu ħatja li kellhom dokumenti tal-ivvjaġġar foloz, ingħataw il-permess li jibdew jaraw lill-ommijiet darba fil-ġimgħa f’post adattat għat-tfal, waqt li jarawhom b’mod virtwali kuljum. Dan il-każ qajjem diversi mistoqsijiet fuq il-fatt li t-tfal, li s’issa jidher li m’għandhomx qraba oħra f’Malta, ġew isseparati minn ommhom.

Id-Direttur għad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, Steve Libreri, qal li xogħol dan id-Direttorat fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali hu li jassigura li t-tfal qegħdin fi stat tajjeb tas-saħħa u protetti.

“Ix-xogħol tal-pulizija se jkun qed iwassal lill-ġenitur jew kuratur li jkun qed jiffaċċja sentenza ta’ priġunerija allura f’dik is-sitwazzjoni qed inħarsu lejn ċirkostanzi naturali jekk il-Mama’ jew il-Papa’ jidħlu l-ħabs mela allura x’se jiġri bit-tfal. Hemmhekk fejn jiskatta r-rwol tagħna bħala Direttorat għall-Ħarsien tat-tfal fejn aħna xogħolna huwa li fejn ikun hemm ġenitur li għal xi raġuni jew oħra ma jistax jamministra l-kura tat-tfal tiegħu jew inkella ma jkunx idonju li jamministra l-kura tat-tfal tiegħu, nidħlu aħna biex infasslu pjan differenti ta’ kura alternattiva biex naraw li t-tfal ikunu safe u protetti.”

Is-sur Libreri kompla jgħid li tfassal pjan ta’ kura alternattiva għal dawn it-tfal u qegħdin f’post sigur. Sostna li bħala Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, il-valur ewlieni hu li kemm jista’ jkun jgħinu biex il-familji jibqgħu flimkien minħabba li qal li r-riċerka inġenerali turi li t-tfal li jżommu kuntatt mal-ġenituri, sakemm dan ma jkunx abbusiv. Steve Libreri qal li fuq dawn it-tfal bdiet ir-riċerka dwar jekk jeżistux qraba oħra tagħhom f’Malta jew pajjiż ieħor u biex jekk ikun il-każ dawn it-tfal imorru għand dawn il-qraba.

“Jiġifieri meta l-ġenitur ma jistax jibqa’ jieħu ħsieb lit-tfal aħna nibdew riċerka biex naraw x’options jeżistu fil-familja, forsi nanniet jew zijiet. Kemm jista’ jkun nippruvaw inħallu lit-tfal fl-ambjent oriġinal tagħhom. Però meta dan ma jkunx possibbli jibda proċess ta’ kura alternattiva li tista’ tinkludu fostering jew dar residenzjali. B’mod teoretiku ngħidlek li aħna nippreferu ambjent fil-familja. Pero dawn qatt ma jkunu deċiżjonijiet lineari, qatt ma jkunu deċiżjonijiet faċli u daqshekk skjetti.”

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal fi stqarrija wera t-tħassib tiegħu u ikkwota l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal li jgħid li t-tfal m’għandhomx jinfirdu minn mal-ġenituri tagħhom. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ħeġġeġ lill-entitajiet kollha involuti biex jassiguraw li t-tfal jitħarsu, li jkollhom kuntatt xieraq m’ommhom u li tiġi rispettata l-privatezza tagħhom.