Iż-żgħażagħ Maltin fost l-iktar żgħażagħ maħkuma mill-midja soċjali

Skond statistika maħruġa mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa fl-aħħar xhur, iż-żgħażagħ Maltin huma fost l-iktar żgħażagħ fid-dinja, dipendenti fuq il-midja soċjali.  Spikka l-użu bla rażan tal-midja soċjali fost it-tfal ta’ tlettax-il sena u ħmistax-il sena.

L-istess riċerka indikat li 20% tal-bniet u 13% tas-subien fl-età ta’ tlettax-il sena iqisu ruħhom bħala dipendenti fuq il-midja soċjali. Fost żgħażagħ ta’ ħmistax-il sena, 18% tal-bniet u 17% tas-subien jużaw il-midja soċjali aktar minn norma.

Tkellimna ma’ Svetlana Buttiġieġ mill-Aġenzija Appoġġ li spjegat li l-internet għandu numru kbir ta’ vantaġġi biss bħal f’kull ħaġa oħra, irid jintuża b’mod responsabbli. Bħala Aġenzija nedew kampanja bl-isem ta’ ‘Be Smart Online’ biex jiżdied l-għarfien dwar l-użu responsabbli tal-internet għaliex jekk wieħed jitlef il-kontroll, l-użu tal-internet jista’ jiġi kkunsidrat ukoll bħala vizzju. Qalet li l-iktar problemi komuni li jiltaqgħu magħhom bħala dipartiment huma marbuta ma’ minuri f’każijiet ta’ cyberbullying u żgħażagħ b’problemi ta’ sexting. Buttiġieġ żiedet tgħid li ftit huma dawk li jersqu lejn l-Aġenzija Appoġġ biex isibu tarf tal-vizzju li jkollhom marbut mal-konsum eċċessiv tal-internet. Każijiet ta’ dan it-tip waslu għandhom permezz ta’ rapporti mill-iskejjel jew mill-ġenituri.

Bla dubju, l-internet għandu vantaġġi varji, li dehru aktar biċ-ċar waqt il-pandemija għaliex bis-saħħa tal-midja soċjali, stajna inżommu kuntatt mal-għeżież tagħna. Għalhekk filwaqt li għandu jkun hemm attenzjoni fuq kemm u kif għandha tintuża din l-għodda innovattiva, għandu dejjem jinżamm bilanċ bejn il-ħajja reali u dik diġitali.