Politika
“Iż-żieda fil-każi tal-Coronavirus ġiet minħabba l-inkompetenza tal-Prim Ministru” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-pajjiż għaddej minn sitwazzjoni li fiha qed jitħassru mal-50 operazzjoni kuljum fl-isptar u sostna li dan qed iseħħ minħabba l-inkompetenza tal-Prim Ministru Robert Abela biex jindirizza l-pandemija. Qal li kieku l-Gvern ħa d-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn biex tkun indirizzata l-imxija tal-coronavirus, ma konniex inkunu f’sitwazzjoni li nitpoġġew f”żoni ħomor minħabba ż-żieda fil-każi tal-coronavirus.

Intervistat fuq NET TV mill-preżentatur Quinton Scerri, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li ż-żieda fil-każi tal-coronavirus ġiet minħabba l-inkompetenza tal-Prim Ministru Robert Abela. Qal li minħabba f’hekk il-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni fejn kuljum qed jiġu posposti 50 operazzjoni u sostna Dr Abela ħareġ jitkellem wara li l-Partit Nazzjonalista waqqaf team t’azzjoni biex jindirizza l-pandemija. Dr Grech qal li r-rapid testing li semma l-Prim Ministru nhar il-Ġimgħa ilu xahrejn isir f’diversi pajjiżi Ewropej u għalhekk qal li kieku l-pajjiż daħħal xhur ilu fl-ajruport dan it-test li jagħti riżultat malajr, ma kienx ikollna kollox miftuħ beraħ għall-virus. Enfasizza li b’hekk kien igawdi anke l-qasam turistiku għax it-turisti kien ikollhom rashom mistrieħa li f’Malta m’hemmx ħafna każi ta’ Covid 19. Dr Grech qal li minħabba l-inkompetenza tal-Gvern, issa qegħdin f’sitwazzjoni li ħafna pajjiżi, inkluż il-Ġermanja, il-Belġju l-Ingilterra, qegħduna fiż-żoni l-ħomor minħabba ż-żieda ta’ każi.

Il-Kap Nazzjonalista qal li m’għandux dubju li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, tixtieq iddaħħal ċertu miżuri u sostna li Dr Abela mhux jagħti kasha.

Qal li l-pajjiż issa għandu eluf ta’ barranin li ġab il-Gvern u għandna kriżi fis-sistemi bħal tas-saħħa u t-toroq għax hawn iktar nies milli jiflaħ il-pajjiż. Fuq l-immigrazzjoni irrregolari Dr Grech qal li trid issir gwerra ħarxa kontra t-traffikanti tan-nies. Mistoqsi jekk għandhiex tidħol f’Malta kull dgħajsa, Dr Grech qal li dan żgur li mhux il-każ, imma kull każ irid jitqies individwalment. Qal li l-Gvern sallum qed jipprova jiddiskuti mal-Libja għax l-Ewropej m’għadhomx jeħduna bis-serjeta’ u sostna li għalhekk hu importanti li nerġgħu nġibu l-Ewropej magħna.

Mistoqsi kif inhi r-relazzjoni mal-ex kap Nazzjonalista Adrian Delia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hi relazzjoni tajba bejn żewġ deputati parlamentari. Dr Grech qal li Dr Delia ma xtaqx ikun kelliem fl-oppożizzjoni, imma spjega li s-sitwazzjoni mhix konkluża u qed jirsisti miegħu biex it-talenti tiegħu ma jinħlewx.