Lokali
Iż-żieda fil-każijiet kaġun tal-varjant u għax naqset id-dixxiplina fost in-nies

Fil-Parlament illejla, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li għaddejjin taħditiet mal-awtoritajiet konċernati biex jissaħħaħ l-infurzar tar-restrizzjonijiet tal-Covid u fl-istess waqt jiħraxu l-multi ta’ min jinqabad jikser ir-regoli.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar il-ftuħ ta’ tliet ċentri ġodda għat-tilqim fil-jiem li ġejjin biex jitħaffef il-proċess tat-tilqim.  

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wera t-tħassib dwar iż-żieda fin-numru tal-każi pożittivi u enfasizza l-ħtieġa ta’ iktar miżuri ta’ infurzar

Is-sitwazzjoni tal-Covid 19 fil-Parlament tqajmet wara stqarrija li saret mill-Prim Ministru Abela dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li ddiskutiet il-pandemija fost affarijiet oħra.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wera t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-każijiet tal-pandemija fl-aħħar ġimgħa. Qal li falliet is-sistema tal-contact tracing u sostna li t-taqsima tat-terapija intensiva tinqas qrib li tikkrolla. 

Sostna li n-nies qed jissusspettaw li l-pjan tat-tilqim mhux trasparenti u qal li Malta kisbet tilqim bis-saħħa tal-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti. L-Avukat Grech faħħar lill-Prim Minsitru Grieg dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċin għas-safar u enfasizza fuq il-ħtieġa ta’ iktar miżuri ta’ infurzar.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li flok qed turi sens ta’ għaqda nazzjonali, l-Oppożizzjoni qed tkun negattiva u ma ssemmi l-ebda proposta differenti minn dak li qed jagħmel il-gvern biex tkun indirizzata aħjar il-pandemija.  

Dr Abela qal li qed isiru taħditiet mal-awtoritajiet biex jittejjeb l-infurzar u jiħraxu l-multi. Sostna li l-poplu jaf ta’ min hu l-mertu li Malta kisbet daqshekk dożi tal-vaċċin u qal li l-pajjiż jinsab fuq quddiem fl-Unjoni Ewropea fl-għoti tat-tilqima. 

Waqt li semma’ li se jingħataw aktar riżorsi lit-taqsima tal-contact tracing, il-Prim Ministru qal li ftit gimgħat ilu l-Oppożizzjoni ddefendiet il-persuna inkarigata mill-contact tracing u issa qed tgħid li falliet is-sistema.  

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li ż-żieda fil-każijiet pożittivi hija minħabba li l-varjant wasal Malta xahar wara pajjiżi oħra Ewropej, filwaqt li raġuni oħra li ta hija n-nuqqas ta’ dixxiplina fost in-nies għax fi kliemu għejjew bil-pandemija.

Huwa ħabbar li f’Għawdex se jinfetaħ ċentru ieħor għat-tilqim fit-Teatru Aurora, u qal li se jinfetħu ċentri ġodda wkoll fl-MCAST u fl-isptar Boffa.