“Iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil hija t-tielet waħda fl-aħħar 18-il xahar” -PN, jirreaġixxi l-PL

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Viċi Kap David Agius qal li ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil hija t-tielet waħda fl-aħħar 18-il xahar.

Is-sur Aguis qal li l-ħaddiema u l-familji spiċċaw ser iħallsu l-istess ewro u tmienja u għoxrin ċenteżmu għad-diżil kif kienu jħallsu fl-2011 meta l-prezz ta’ barmil żejt kien 38 dollaru l-barmil ogħla milli huwa llum.

Il-Partit Nazzjonalista qal li b’żidiet oħra fil-prezz fosthom tal-ħalib huwa daqqa oħra lil kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Żied jgħid li dawn iż-żidiet saru minkejja l-ftaħir tal-gvern li fil-budget mhux qed iżid il-piż fuq il-familji u n-negozji.

Il-Partit Laburista wieġeb fi stqarrija li bil-politika tal-Gvern preżenti, il-prezz tal-fjuwil inżamm irħas mill-medja Ewropea u minkejja ż-żidiet fil-prezz internazzjonali, għal sena sħiħa l-prezz f’Malta baqa’ stabbli. Il-Partit Laburista qal li bil-politika li kien adotta l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, il-prezz tal-fjuwil kien jiżdid ferm qabel. Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli meta jikkwota l-prezzijiet internazzjonali għax qal li f’Malta fi żmien Gvern Nazzjonalista l-prezz tal-petrol kien 15% oghla mill-Ewropa u d-diżil kien 17% ogħla mill-Ewropa.