Budget2021
Iż-żieda fir-rifużjoni tat-taxxa kif se tolqot lill-ħaddiema?

Iż-żieda fir-rifużjoni tat-taxxa li tħabbret ilbieraħ fil-Budget ser tfisser żieda ta’ bejn €5 u €27 meta mqabbel maċ-ċekkijiet li ntbagħtu lill-ħaddiema fl-aħħar 3 snin. Fis-servizz li jmiss ser naraw kif din il-miżura se tolqot lill-eluf ta’ ħaddiema li se jkunu qed jirċievu dan iċ-ċekk ta’ darba fis-sena li huwa ntiż li jgħin lil min l-iktar għandu dħul baxx.

Iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa ser ikunu qegħdin jerġgħu jingħataw lill-ħaddiema kollha, li jammontaw għal 218,000 persuna. Il-valur se jogħla minn dak mogħti fit-tliet snin li għaddew, bil-Gvern qed jistma li din il-miżura se tiġi tiswa kważi €16-il miljun.

Ir-rifużjoni li ser tkun ta’ bejn €45 u €95, b’dawk li jaqilgħu l-inqas ser ikunu qegħdin jirċievu l-ghola rifużjoni, li tfisser żieda ta’ €27 fuq is-sena l-oħra.

Infatti, l-għola rifużjoni ta’ €95 Ewro ser tkun qed tingħata lil koppji miżżewġin li jaqilgħu sa għoxrin elf Ewro fis-sena.

Koppji li jaqilgħu bejn €20,000 u 40,000, is-sena d-dieħla ser jirċievu ċekk ta’ €80 filwaqt li dawk li jaqilgħu sa €60,000 ser jirċievu ċekk ta’ €50.

Il-persuni li huma reġistarti bħala ġenitur għall-finijiet ta’ taxxa u jaqilgħu sa €15,000 ser ikunu qegħdin jirċievu ċekk ta’ €90, b’żieda ta’ €26 fuq iċ-ċekk li rċivew din is-sena. Ġenituri li jaqilgħu sa €30,000 ser jirċievu ċekk ta’ €75 filwaqt li kull ġenitur li jaqla sa €60,000 ser ikun qiegħed jirċievu ċekk ta’ €45.

It-tielet l-akbar żieda fir-rifużjoni ser tkun qed tingħata lil persuni li huma reġistrati bħala singoli u jaqilgħu sa €15,000. Iż-żieda fuq iċ-ċekk tas-sena li għaddiet ser tkun ta’ €20. Min jaqla’ sa €30,000 ser jirċievi rifużjoni ta’ €65, u persuni li jaqilgħu sa’ €60,000 ser jirċievu ċekk ta’ €45.