Lokali
Iż-żjarat fid-djar tal-anzjani se jiżdiedu għal tliet darbiet fil-ġimgħa

Mit-Tnejn li ġej, iż-żjajar fid-djar kollha tal-anzjani u fir-Residenza San Vinċenz de Paul se jiżdiedu għal tliet darbiet fil-ġimgħa.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia qal li dan it-tnaqqis fir-restrizzjonjiet sar wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa u dawk għall-Istandards għall-Ħarsien Soċjali.

Tħabbar, li filwaqt li l-ilbies tal-maskri, iż-żamma tad-distanza u miżuri oħrajn iridu jibqgħu jkunu osservati, mit-Tnejn 17 ta’ Mejju se jidħlu fis-seħħ dawn iż-żewġ miżuri wkoll:

  • Żewġ qraba mill-istess dar jistgħu jżuru resident f’dar tal-anzjani.
  • Residenti bid-dimensja jista’ jkollhom żjara ta’ 15-il minuta kuljum. Kull darba jistgħu jżuruhom sa żewġ persuni mill-istess dar.

Intqal ukoll, li mit-Tnejn 24 ta’ Mejju se jidħlu fis-seħħ żewġ miżuri oħra:

  • Iċ-ċentri ta’ matul il-jum se jerġgħu jinfetħu b’għadd ta’ miżuri, fosthom iż-żamma tad-distanza soċjali. Kull ċentru, ta’ kuljum, se  jilqa’ fih erba’ utenti tas-servizz u żewġ membri tal-istaff biex tinżamm id-distanza soċjali. In-numru ta’ utenti tas-servizz se jkompli jiżdied wara d-diskussjoni u l-konsultazzjoni meħtieġa mal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.
  • Djar residenzjali jistgħu jibdew jorganizzaw ħarġiet għar-residenti rispettivi tagħhom filwaqt li jirrispettaw is-sistema tal-bubble tal-istess dar.