Kultura
Iż-Żurrieq qed jiċċelebra l-200 sena mill-wasla tal-vara ta’ Santa Katerina

Il-Parroċċa ta’ Santa Katerina ż-Żurrieq qed tiċċelebra l-200 sena mill-wasla tal-vara titulari ta’ Santa Katerina. Fil-festa din is-sena, li se tkun iċċelebrata l-Ħadd li ġej, qed jitfakkar dan l-anniversarju, kif ukoll anniversarji oħra importanti għal din il-parroċċa, waqt li jinsab għaddej ix-xogħol biex isir il-monument ta’ Santa Katerina fid-daħla tar-raħal.

Il-Parroċċa ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq din is-sena qed tfakkar 3 anniversarji. Kevin Schembri, is-Segretarju tas-Soċjetà Mużikali Santa Katerina fiż-Żurrieq spjega li l-qofol ta’ dawn l-anniversarji hu l-200 sena mill-wasla tal-vara titulari ta’ Santa Katerina xoghol l-iskultur Marjanu Gerada.

Kevin Schembri qal li “qed niċċelebraw l-400 sena minn meta l-Knisja ta’ Santa Katerina ġiet matriċi bit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Qrendi, il-125 sena minn meta l-istess knisja ġiet mogħtija t-titlu ta’ Arċipretali, u wkoll u fuq kollox, il-200 sena mill-wasla tal-vara titulari ta’ Santa Katerina fil-parroċċa ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq.”

Kevin Schembri spjega wkoll li għaddejja ħidma biex isir il-monument ta’ Santa Katerina.

“Aħna qegħdin nagħmlu wkoll il-monument ta’ Santa Katerina li dan se jitpoġġa fid-daħla tar-raħal tagħna taż-Żurrieq biex hekk hu aħna nfakkru wkoll li Santa Katerina hija l-patruna taż-Żurrieq. Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu ġiet inawgurata l-istatwa ta’ dan il-monument hawnhekk fil-pjazza taż-Żurrieq. L-istess statwa nħadmet fil-bronż u ġiet maħduma ġewwa d-ditta Taljana Domus Dei ġewwa Ruma u mbagħad ġiet indurata minn Francis Xuereb u anke l-guy tiegħu biex ngħidu hekk biex din tkun kollha miksija bid-deheb” spjega Kevin.

Din is-sena l-festa ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq qiegħda wkoll iżżanżan armar ġdid, fosthom l-armar li jdawwar il-kuruna, u pavaljun li jfakkar dawn l-anniversarji kollha quddiem id-dar tal-arċipriet.