Artiġjanat
Iżewwqu ‘l Għawdex bil-mużajk, ġimgħa xogħol biex isir wiċċ wieħed

Is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex tistħajlu minsi mid-dinja. Maqtugħ għalih, ħaġa waħda man-natura tad-dawramejt. Minnu, jispikkaw l-ilwien tal-pajsaġġ Għawdxi. Maġenbu, fost l-oħrajn, jiġbdulek l-attenzjoni għadd ta’ ħitan mogħnija bi ġmiel ta’ mużajk. Xogħol mirqum, imsejjes fuq kreattività bla qies.

Waqt ‘Kif isir’ ta’ din il-ġimgħa wieħed mill-imħuħ wara dan il-ġmiel ta’ xogħol, Dun Roberto Gauci spjega pass pass kif isir il-mużajk. Tefa’ ta’ ġebla ‘l bogħod minn Ta’ Pinu, bejn l-erba’ ħitan taċ-Ċentru tal-Arti Liturġika, Eikon, Dun Gauci qal li qabelxejn isir id-diżinn bil-għan li l-ideat li jkunu qed iberrnu f’moħħ l-artist jitpoġġew fuq il-karta.

Imbagħad, kollox jiġi kkupjat mill-ġdid b’paċenzja ta’ Ġob fuq biċċa plastik sabiex l-artist ikun jista’ jqiegħed ix-xibka u ftit ftit jibda jippustja x-xogħol b’tip ta’ kolla apposta. B’ħeffa liema bħalha u kollox maħdum fuq għajnejhom, Dun Gauci u l-kollegi tiegħu jużaw għadd ta’ għodod biex jaqtgħu l-materjal skont il-qisien meħtieġa. F’dan l-istadju, jiġu abbinati wkoll il-kuluri skont il-bżonn.

Dun Gauci stqarr li l-mużajk dejjem jibda jfasslu mill-għajnejn u li wiċċ wieħed jaf joħdilhom madwar ġimgħa. Minkejja l-fatt li l-mużajk ma jsirx kif ġieb u laħaq, Dun Gauci żied jgħid li hu u sħabu qed jagħmlu l-almu tagħhom biex ikomplu jagħtu l-ħajja ‘l aktar toroq Għawdxin b’aktar mużajk li jpaxxi l-għajn.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

Il-kantanta Maltija Giorgia Borg għandha biss 12-il sena. Minkejja l-età pjuttost ċkejkna, f’April tas-sena l-oħra Giorgia ttantat xortiha b’kanzunetta oriġinali lil hinn minn xtutna fix-show ‘Britain’s Got Talent’ u f’kemm ili…

Reliġjon

Tefa’ ta’ ġebla ‘l bogħod minn xtut il-gżejjer Maltin, Sqallija mogħnija b’pajsaġġ pittoresk li jsaħħar l-għajnejn u b’għadd ta’ bliet il-ġmiel tagħhom. Fosthom, il-belt ta’ Modica. Liema żona, fost l-oħrajn,…

Kurżitajiet

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, għal darb’ oħra għamel referenza għal Malta b’mod li ma tantx niżel tajjeb mal-Maltin, wara li fl-2012 iddieħak bil-Maltin għax xtraw il-bendy buses mingħand…

Kurżitajiet

Il-kantanta ċelebri Maltija, Ira Losco ħabbret ftit tal-jiem ilu li se terġa’ ssir omm għat-tieni darba, din id-darba ta’ tifla. Hija qalet li hi u familtha jinsabu ferħanin se jtiru…

Aktar