Edukazzjoni
Iżjed minn qatt qabel kruċjali l-komunikazzjoni bejn l-iskejjel u l-ġenituri – il-President tal-MAPSSS

Rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri tal-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja qalu lil TVM li f’din ir-realtà ġdida għall-Istudenti u l-għalliema huwa kruċjali l-komunikazzjoni kontinwa bejn l-edukaturi u l-ġenituri. Qalu li t-tagħlim online qatt ma jista’ jieħu post it-tagħlin fl-iskejjel fejn hemm l-interazzjoni tal-istudenti mal-għalliema u ma’ sħabhom.

Tliet ijiem bogħod minn meta l-iskejjel tal-gvern jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom u jilqgħu l-istudenti wara nuqqas ta’ seba’ xhur minħabba l-pandemija, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-istudenti fl-Iskejjel tal-Istat, Dr Glorianne Borg Axisa qalet li issa iżjed minn qatt qabel hi kruċjali l-komunikazzjoni bejn l-iskejjel u l-ġenituri.

“Aħna nistennew li f’dan il-perjodu l-komunikazzjoni tkompli tissaħħaħ għall-ġid tat-tfal u biex ikun hemm iżjed kollaborazzjoni anke biex jitħares l-iżvilupp u t-tibdil psikoloġiku li t-tfal se jgħaddu minnha. Jiġifieri l-esperjenza li se jkollhom it-tfal l-iskola ħa tkun differenti minn dik li kellhom is-snin ta’ qabel jiġifieri l-expectations tagħhom hija differenti u allura wieħed jippretendi li jkun hemm iżjed komunikazzjoni bejn l-iskola u d-dar imma anke bil-kontra.”

Dr Borg Axisa qalet li f’dan iż-żmien ta’ taqlib għall-istudenti u għal kulħadd, għandu jkun hemm kompassjoni mill-għalliema lejn l-istudenti.

“Toħroġ iżjed il-kompassjoni u d-dedikazzjoni li għandhom l-għalliema lejn l-istudenti tagħhom. Punt ieħor li forsi wieħed ta’ min jagħti każ hu t-tindif regolari tal-iskejjel.”

Dwar il-fatt li diversi ġenituri lmentaw li jridu jixtru uniformijiet ġodda u oħrajn urew ix-xewqa li jibgħatuhom xi ħwejjeġ oħra, Dr Borg Axisa qalet li f’April l-assoċjazzjoni kienet ġibdet l-attenzjoni tal-ministeru biex kemm jista’ jkun ma tkunx introdotta l-uniformi l-ġdida anke minħabba l-pressjoni finanzjarja ta’ ċertu familji. Sostniet li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li se tingħata ċertu flessibbilita’, imma qalet li jista’ jkun li l-messaġġ ma wasalx ċar f’kull skola.

Dr Claire Bonello mill-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja qalet li bħala omm tħoss li dawk l-iskejjel li huma ippreparati u ħadu l-miżuri kollha neċessarji għanbdhom jitħallew jiftħu jilqgħu l-istudenti. Qalet li rat b’għajnejha kemm isofru u jbatu t-tfal li ma jattendux l-iskola fiżikament. Sostniet li s-sistema online tgħin imma qatt ma tista’ tieħu post it-tagħlim fl-iskejjel fejn hemm l-interazzjoni mal-għalliema u ma’ sħabhom. Dr Bonello qalet li tifhem li hemm il-biża’ u li bl-ebda mod m’għandha tiġi ipperikolata l-ħajja tal-anzjani u n-nies vulnerabbli, iżda sostniet li forsi mhux qed nindunaw li l-covid 19 ikkawżat tibdil permanenti fuq il-ħajja tagħna. Qalet li għaldaqstant irridu nadattaw u nsibu mod ta’ ħajja ġdida b’din ir-realta’ ġdida. Claire Bonello qalet li li jinqaflu t-tfal id-dar u jiċċaħu ġenerazzjonijiet sħaħ mill-edukazzjoni u soċjalizzazzjoni mhijiex soluzzjoni.