Lokali
Iżjed minn tliet kwarti tal-popolazzjoni ħassewhom beżgħana minħabba l-pandemija

Skont riċerka kkummissjonata mill-Fondazzjoni Richmond jirriżulta li iżjed minn tliet kwarti tal-popolazzjoni ħassewhom beżgħana minħabba l-pandemija, filwaqt li tnejn minn kull tliet persuni rrappurtaw li ġarrbu sintomi ta’ dipressjoni. Għal dan il-għan, il-Fondazzjoni nediet servizz ta’ chat li se jkun disponnibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa biex tassisti lil dawk li qed iġarrbu problemi ta’ saħħa mentali.

Il-pandemija ħallet impatt fuq is-saħħa mentali tant li l-għadd ta’ telefonati li rċeviet il-Fondazzjoni Richmond matul is-sena li għaddiet żdiedu b’erba’ darbiet.

Riċerka li saret mill-Fondazzjoni indikat li madwar seba’ u sebgħin fil-mija tal-popolazzjoni qalu li kienu beżgħana minħabba l-Covid, filwaqt li 63 fil-mija qalu li ġarrbu sintomi ta’ dipressjoni.

Il-Kap tal-Operat tal-Fondazzjoni Richmond, Daniela Camilleri Bitar, qalet li l-fondazzjoni rċeviet tliet elef u sitt mitt telefonata permezz tan-numru 1770 b’talbiet għall-għajnuna minn individwi, bis-sintomi jipprogressaw minn stadju għall-ieħor tal-pandemija.

Qalet li għadd sostanzjali minn dawk li fittxew l-għajnuna qalu li kienu qed jbatu minn solitudni, u li l-pandemija kienet qed taffettwalhom is-saħħa mentali tagħhom tant li kien hemm uħud li qalu li kienu se jikkomettu suwiċidju.

Iċ-Chief Operations Officer Daniela Camilleri Bitar qalet “bdejna bl-ansjeta’ u mbagħad jekk tara in-nies għalfejn qed iċemplu issa hemm sintomi ta’ dipressjoni għax int meta jkollok perjodu ta’ ansjeta’ twila ħafna mbagħad is-sintomi ta’ dipressjoni huma iżjed pronounced fost il-persuni

Minkejja li kienet qed tippjana s-servizz minn qabel il-pandemija, il-fondazzjoni ħasset li huwa żmien opportun biex tniedi servizz Olli.chat li se jopera 24 siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa.

L-uffiċjal li joffri servizzi psikoloġiċi Warren Aguis qal li uffiċjali mħarrġa u speċjalizzati se jkunu disponnibbli biex joffru għajnuna u assistenza lil kull min jeħtieġha fi kwalunkwe ħin, irrispettivament minn fejn ikunu.

Qal li dan is-servizz iħares il-privatezza tal-individwu iżda fl-istess waqt il-fondazzjoni tassisti mingħajr dewmien f’każi ta’ abbużi.

“Min se jibgħat messaġġ u jagħmel użu minn Ollie.chat jew jien jew wieħed mill-kollegi tagħna ħa nkunu available fuq in-naħa l-oħra u l-persuna se tkun kompletament anonima jiġifieri mhux se nkunu nafu il-persuna minn hi biex il-persuna tkun tista’ tkun onestà kemm tixtieq”.

Is-servizz tac-chat online se jkun pprovdut kemm bil-Malti u anki bl-Ngliż mingħajr ħlas minn www.OLLI.chat.