Politika
Jingħalaq il-każ dwar ir-rigal tal-inbejjed lussużi li l-eks PM Joseph Muscat irċieva mingħand Yorgen Fenech

Il-kumitat parlamentari għall-istandards fil-Ħajja Pubblika għalaq il-każ dwar ir-rigal ta’ 3 ifliexken inbid lussużi li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat irċieva mingħand in-negozjant Yorgen Fenech, suspettat mandant fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-kumitat parlamentari aċċetta t-tieni ittra li Dr Muscat bagħat lill-Kumitat nhar il-Ġimgħa li għadda fejn innota li waqt li Dr Muscat għandu dritt iżomm il-pożizzjoni tiegħu kien qed jifhem li l-ittra kienet tissodisfa r-rekwiżiti skont il-liġi, fost affarijiet oħra bil-kliem, fejn Dr Muscat tenna li refa’ r-responsabbiltà tiegħu.

B’hekk il-kumitat parlamentari għalaq il-każ wara dibattitu fejn kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar sanzjoni li kellha tittieħed fil-konfront tal-eks Prim Ministru Muscat. Il-kelliema tal-Gvern, il-Ministri Edward Zammit Lewis u Byron Camilleri sostnew li l-każ kellu jingħalaq ladarba l-Kumitat kien addotta r-rapport tal-Kummissarju Ġorġ Hyzler li m’għamilx rakkomandazzjoni għax il-ksur kien ġie rimedjat u ma kienx hemm riżorsi li ntużaw ħażin.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina u Carm Mifsud Bonnici qalu li jekk mhux se tintalab apoloġija formali kien se jingħata l-messaġġ li qisu ma ġara xejn u li ma kien hemm l-ebda sanzjoni.