Artiġjanat
Jagħmel dar tal-pupi għal bintu bi stil tipikament Malti

Irtira mix-xogħol u qata’ x-xewqa ta’ bintu li jagħmlilha dar tal-pupi. Minkejja ċ-ċokon, id-dar hi maħduma sal-anqas dettall… kollox bl-idejn u fuq stil tipikament Malti.

Il-ħolma ta’ ħafna bniet hija li jkollhom dar tal-pupi. Austin Galea qata’ x-xewqa ta’ bintu meta rtira mix-xogħol u kellu ħafna aktar ħin fuq idejh.

“30 sena ilha tistennieha. Meta kienet żgħira kont ngħidilha issa se nagħmilhilek. Jien dejjem kelli f’rasi li meta tkun żgħir ma tapprezzax ċertu xogħol. Għedt issa hu l-mument li rtirat u għandi ċ-ċans nagħmilha bil-kwiet, u għall-grazzja t’Alla l-Bambin sellifni ż-żmien u għamilt – jien għalija l-opra tiegħi, ħa ngħid hekk.”

Id-dar wiesgħa ftit inqas minn 80 ċentimetru u għolja 63 ċentimetru u mgħammra sal-inqas dettall – hija fuq stil tipikament Malti. Kollox xogħol Austin.

“Il-qies huwa 1 to 12. Paċenzja kbira. L-għamara bl-interzjar. Xi ħaġa Maltija huwa l-arloġġ tal-lira, it-travi pereżempju. Xi ħaġa li ż-żgħażagħ ma jiftakrux hu d-dawl qabel ma kienx bil-conduit kif inhuwa llum iżda kien casing li kien ikun tal-injam b’żewġ ħofriet ġo fiha li jkollok il-wire ġo fih. Il-wire kien ikun taċ-ċarruta u l-iswitches tar-ram biċ-ċeramika fuq wara. Ippruvajt ukoll jiġifieri nagħmel l-iswitches żgħar biex inkun nista’ kemm jista’ jkun inġibha viċin dar Maltija.”

Ħafna mill-affarijiet fid-dar tal-pupi ta’ Austin huma magħmula b’affarijiet riċiklati – minn wires għall-injam, ħġieġ u żibeġ. Is-Sur Galea qal li din id-dar tal-pupi kienet ilha snin f’moħħu tant li meta kien ikun imsiefer spiss kien jixtri xi oġġetti żgħar bħalma huma l-linef u t-tapiti li xtara mit-Turkija…apposta għal din id-dar.

Għas-Sur Galea, il-garaxx huwa d-dinja tiegħu. Hemmhekk iqatta’ ħafna mill-ħin liberu tiegħu. Din id-dar ħaditlu mat-tliet xhur u nofs biex lestieha…u issa diġà beda jaħseb u jaħdem affarijiet tal-Milied li jħobb ħafna.