Qorti
Jagħmel ħsara fuq karozzi pparkkjati fiż-Żejtun

Raġel li allegatament għamel ħsara f’ħames vetturi waqt li kien fis-sakra u li insulta lill-Pulizija wieġeb mhux ħati.

Ix-xufier ta’ taxi, Alex Bonnici ta’ 28 sena minn Ħal Qormi kien akkużat li għamel ħsara fil-karozzi pparkkjati f’Misraħ Bandolier, iż-Żejtun, li insulta u ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija. Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-1.30am.

Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri kien akkużat ukoll li kien xurban, li ma kienx kapaċi jieħu ħsieb lilu nnifsu u li kiser il-paċi pubblika.

L-avukat tad-difiża, Franco Debono talab lill-Qorti biex tagħti l-ħelsien lill-akkużat.

Il-Prosekuzzjoni ma sabitx oġġezzjoni għal din it-talba, bil-Qorti tagħti l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000 u tordnalu li jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.