Ambjent
Jagħmel l-għassa lejl u nhar biex ma jħallix lin-nies iħammġu f’Buġibba

Raġel barrani li jgħix f’Buġibba ma felaħx iktar għall-iskart miġmugħ lejl u nhar f’kantuniera ta’ żona residenzjali, u ddeċieda li jieħu azzjoni.

Kien l-ex Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Mario Salerno, li qal kif kellu jkun dan ir-raġel biex isolvi problema li kienet ilha tkaxkar xhur sħaħ.

Spjega kif dan ħasel il-bankina fejn kien qed jintefa’ l-iskart mal-kantuniera ta’ blokka appartamenti, iżda ma waqafx hawn. Huwa għamel l-għassa f’dan il-post għal tlett ijiem sħaħ, u kull min mar jarmi ż-żibel hemm, beda jgħidlu bil-pulit biex iżommu wara biebu.

Waħda mill-ġirien tiegħu qalet li dan ir-raġel, li huwa mis-Serbja, saħansitra ma marx għax-xogħol biex jipprova jaqbad lin-nies iħammġu fil-fatt u jaqtgħalhom dan il-vizzju.

Din il-mara Maltija qalet li tittama li dan is-Serb jibqa’ jgħix ħdejhom, għax bis-saħħa tiegħu lanqas il-ħaddiema li jiġbru ż-żibel m’għadhom iwaddbu l-boroż kollha f’din il-kantuniera.