Lokali
Jagħtuha magna tal-ossiġnu wara problemi bil-pulmun kawża tal-Covid-19

Il-kuraġġ li għandha Mary Jane Cutajar biex issib trapjant tal-pulmun ġej mhux biss mir-rieda tagħha stess iżda wkoll mill-għajnuna li qed tingħata minn bosta nies.

F’intervista ma’ TVM, Mary Jane qalet li bl-appoġġ ta’ nies bħal Josette Frendo, omm iż-żagħżugħ Jerome, u l-eks surġent tal-Pulizija Simon Schembri hija qed toħroġ mit-trawma li għaddiet minnha waqt il-Covid u tittama li jkollha futur isbaħ fiż-żmien li ġej.

Din l-għajnuna qed tiksibha wara li ħarġet fil-pubbliku u rrakkuntat l-istorja tagħha fuq TVM ftit tal-ġimgħat ilu.

F’dawn it-tliet ġimgħat, Mary Jane Cutajar irċiviet kull tip t’appoġġ minn diversi nies biex tgħix aħjar sakemm isirilha trapjant tal-pulmun.

F’intervista ma’ TVM, Mary Jane irrakkuntat kif mill-intervista li kellha fl-aħbarjiet ingħatat magna tal-ossiġnu portable biex jgħinha tieħu nifs aħjar. Id-donazzjoni saret wara kuntatti li għamlet Josette Frendo, fundatriċi ta’ Smiling with Jerome li ngħatat dan l-apparat mingħand kumpanija privata biex tgħin lil Mary Jane tkampa aħjar mal-problema fil-pulmun li ġarrbet wara li mardet bil-Covid.

“Għandha anġlu fis-sema din il mara. Miskin Jerome żgur qiegħed x’imkien aħjar. Ġiegħla, naħseb, tikkuntattjani u jiena kont nghid u iva forsi sal-Milied nixtriha l-magna…inwarrab xi ħaġa jew hekk…il-magna li tani 2500 kienet tiswa, jiġifieri ħafna expensive hux.”

Josette Frendo qalet li wara li tilfet lil binha bil-marda tal-kanċer ftit tas-snin ilu ż-żmien li tibki biss għadda u għalhekk qiegħda tgħin lil nies fil-bzonn fosthom nies morda bil-kanċer u anki nies b’diżabilità.

“Tiġik dik il-qawwa…ovjament mhux minni minn Alla stess…illi orrajt ġralna li ġralna…mela issa għandek bżonn is-sapport…issa jew insabbtu rasna mal-ħajt u daqshekk jew nibku, insabbtu rasna mal-ħajt imma rridu nkomplu naqdfu…u fil-fatt hekk għamilna għax ovjament nibki hafna. Kuljum nibki. Ngħid kieku Jerome qed jigradwa. Iebsa ħafna, però fl-istess ħin din il-Fondazzjoni Alla qed jgħinna biex ngħinnu ‘l min jinsab bħalna.”

Persuna oħra li qed tagħti sostenn lil Mary Jane huwa l-eks surġent tal-Pulizija Simon Schembri li ftit tas-snin ilu kien f’xifer il-mewt meta ġarrab ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku waqt li kien qed iwettaq xogħlu. Qal lil TVM, li għalkemm kienet diffiċli għalih u għal ta’ madwaru jegħlbu t-trawma li għaddew minnha, iddeċieda li jibqa’ għaddej u jħares ‘il quddiem lejn futur aħjar.

“Ara, qatt ma tista’ tħares lura. Trid timxi ‘l quddiem. Dika dejjem. Jekk taqta’ qalbek, ħa tieqaf. Trid timxi ‘l quddiem bl-għajnuna ta’ ħaddieħor ukoll – kemm finanzjarjament, kemm moralment u kemm bil-kuraġġ li jagħtuk in-nies.”

Simon iżid kemm hu importanti li tkun preżenti ma’ nies meta kemm ikunu fil-bżonn, mhux biss moralment iżda anke fiżikament, kif kellu bżonn hu stess.

B’ħerqa u kuraġġ Mary Jane issa qed tħejji ruħha biex tmur Palermo fejn hemm qed tittama li ssib trapjant tal-pulmun li jaqbel magħha.

“Irrid inkun b’saħħti ħafna għax kellmuni l-professuri ta’ barra. Irrid inkun fit. Ma tridx ikollok weight żejjed. Kuraġġ ukoll. Issa nagħmel kuraġġ. La hemm tama, noħduha. Ċans wieħed għad baqa’ u noħduh. U jekk inti oġġett vera tridu żgur iġġibu. Jiġifieri dan it-trapjant naf li xi darba jew oħra żgur naħseb se jasal…nisperaw.”