Barranin
Jallega li McGregor ħebb għalih għall-għarrieda – iwissi li huwa perikoluż

Id-DJ Taljan Francesco Facchinetti allegatament laqqat daqqa ta’ ponn għall-għarrieda mingħand il-ġellied Irlandiż tal-UFC, Conor McGregor.

F’għadd ta’ stories ippubblikati fuq il-profil tiegħu ta’ Instagram, Facchinetti qal li l-każ seħħ waqt festin f’lukanda f’Ruma fi tmiem il-ġimgħa, fl-okkażjoni tal-Film Festival li qed isir f’dawn il-jiem fil-belt kapitali Taljana.

Id-DJ Taljan allega li McGregor ħebb għalih wara li kien ilu jiċċaċra miegħu għal madwar sagħtejn. Qal, li bid-daqqa li qala’ spiċċa nfaraġ u qasam xofftejh. Huwa ddeskriva lil McGregor bħala bniedem vjolenti u perikoluż, minkejja li huwa popolari immens mal-erbat irkejjen tad-dinja.

Matul is-serata, ma’ Facchinetti, fost l-oħrajn, kien hemm il-kantant Taljan Benjamin Mascolo, magħruf bħala Benji. Fl-aħħar sigħat, fuq Instagram, Benji kkonferma l-verżjoni tal-fatti kif espressi mid-DJ Taljan.

Spjega, li l-aggressjoni allegatament seħħet għall-ħabta tat-3am meta hu u martu, Bella Thorne, kienu tilgħin jorqdu. Qal, li għadu taħt xokk għax kien anqas minn nofs metru bogħod minn Facchinetti u minn McGregor. Benji żied jgħid, li l-ġellied Irlandiż għandu bżonn l-għajnuna għaliex fi kliemu huwa maħkum mill-vizzju tad-droga u tax-xorb.

Intant, Facchinetti qal li se jieħu passi legali kontra McGregor u fisser li qed jagħmel minn kollox biex jikseb il-filmati tal-kameras tas-sigurtà tas-sala fejn Facchinetti qed isostni li safa aggredit għal xejn b’xejn.

Din mhix l-ewwel darba li McGregor spiċċa f’argument lil hinn mir-ring. Ix-xahar li għadda, huwa fajjar tazza lejn ir-rapper Amerikan Machine Gun Kelly fuq it-tapit l-aħmar tal-MTV Music Awards.