Immigrazzjoni
Jallega li omm il-kaptan tal-MV Lifeline ma kinitx l-unika raġuni għala ried imur il-Ġermanja

Il-Membru Parlamentari Ġermaniż Petr Bystron mill-partit AfD qal li omm il-kaptan Ġermaniż tal-bastiment MV Lifeline, Claus Peter Reish ma kinitx l-unika raġuni għala l-Kaptan ried imur il-Ġermanja. Qal li Claus Peter Reish ried imur il-Ġermanja wkoll biex jagħmel intervisti fuq il-midja.

Il-bastiment MV Lifeline u l-kaptan Claus Peter Reish daħlu Malta nhar is-27 ta’ Ġunju b’230 immigrant abbord. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li Malta daħħlet lil dawn l-immigranti biex tevita kriżi umanitarja wara li ntlaħaq qbil ma’ tmien pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jieħdu l-immigranti li għandhom dritt għal protezzjoni. S’issa erba’ gruppi ta’ immigranti ħallew Malta għal pajjiżi oħra.

Bħalissa Claus Peter Reish qed jaffaċċja kawża fil-Qorti Maltija fejn qed ikun mixli li baħħar il-vapur fl-ibħra territorjali Maltin mingħajr ma hu reġistrat fir-reġistru għall-bastimenti żgħar, u li uża l-vapur fl-ibħra Maltin mingħajr ma kellu liċenzja mill-Awtorità tat-Trasport.

Huwa kien talab biex jitħalla jmur jara lil ommu fil-Ġermanja, bil-Qorti Maltija tagħtih permess. Fi stqarrija, il-Membru Parlamentari Ġermaniż, Petr Bystron qal li l-ewwel prijorità għall-Kaptan ma kinitx ommu iżda li jmur jagħmel intervisti fuq il-midja. Qal li matul l-intervisti, Clause Peter Reish xejjen l-akkuża li l-Għaqdiet mhux Governattivi favur l-immigranti qed jittraffikaw in-nies. Il-Kaptan stieden dawk il-politiċi xettiċi biex imorru fuq il-bastiment waqt missjoni ta’ salvataġġ. Min-naħa tiegħu Petr Bystron laqa’ din l-istedina.

Sadanitant, fil-5 ta’ Lulju, Petr Bystron ressaq proċeduri kriminali kontra seba’ għaqdiet mhux governattivi Ġermaniżi favur l-immigranti fejn qed jixlihom bi traffikar tan-nies. Dawn il-proċeduri ġew iffirmati minn kull membru tal-Partit AfD.

Madankollu, skont Bystron, il-kap tal-Mission Lifeline, Axel Steier qal lil Bystron biex qabel ma jmur fuq il-bastiment iwaqqa’ l-kawża u jitlob appoloġija pubblika. Petr Bystron qal li filwaqt li jixtieq li jsibu mod ta’ kif se jsalvaw il-ħajjiet umani u jevitaw li diversi nies jegħrqu fl-Ewropa, it-tweġiba min-naħa ta’ Steier turi li mhux interessati li jiddjalogaw.

Ara wkoll:

“Malta tista’ tkun post fejn jiddaħlu l-immigranti biex jintbagħtu f’pajjiżi oħra” – il-Kaptan tal-MV Lifeline