Qorti
Jammettu li pprovaw jaqbdu titjira lejn l-Italja b’passaporti foloz

Tliet Marokkini ta’ bejn 14 u 24 sena tressqu l-Qorti akkużati li użaw dokumenti foloz u ppruvaw jaħarbu minn Malta lejn l-ajruport ta’ Bergamo.

Il-Qorti semgħet kif f’każ minnhom, żagħżugħ li mid-dehra tiegħu jidher li huwa minuri, mindu rifes f’Malta wara li qatta’ ġimgħa fuq il-Captain Morgan, qal lill-pulizija li għandu 17-il sena.

L-Ispettur qal li dan baqa’ jsostnih anke meta ġie biex jagħmel applikazzjoni għall-ażil, wara li infurmawh li hu ma jistax japplika minħabba li huwa taħt l-età. L-Ispettur Hubert Gerada qal li l-akkużat ipprova jaħrab b’dokument falz ta’ Taljan li għandu 19-il sena. Kompla iżda li malli għamlulu l-manetti ma’ jdejh kif ġie arrestat fl-ajruport, beda jgħid li għandu 14-il sena.

Hawnhekk, wieħed mill-akkużati li qal li jiġi l-kuġin tiegħu, qal li huwa minnu li dejjem qal li għandu 17-il sena, iżda fil-verità għandu 14-il sena. Żied li meta kienu fuq il-Captain Morgan kien qallu li kieku kienu sejrin l-Italja kien se jgħid li kellu 14-il sena, iżda meta sar jaf li ġej Malta, beda jgħid li għandu 17.

L-Ispettur qal li mindu ġie Malta s-social workers bdew jaħdmu biex jiddeterminaw kemm għandu żmien, u mhux eskluż li għandu kundizzjoni li ħallietu jidher iżgħar milli hu.

Akkużat minnhom, Atman Mini ta’ 18-il sena, kien akkużat ukoll li fil-31 ta’ Lulju ħarab miċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi.

Huma lkoll ammettaw l-akkużi miġjuba kontrihom.

Elounde Jousef ta 24 sena inbagħat 6 xhur ħabs, Atman Mini intbagħat sena ħabs, waqt li l-minuri ntbagħat xahrejn priġunerija sospiżi għal sena. Madanakollu, il-Maġistrat wissietu biex ma jerġax iwettaq reat ieħor għaliex imbagħad ikollu jinbagħat il-ħabs. Huwa se jibqa’ jiġi segwit minn social worker.