Jappella biex Chadwick Lakes jiġi mmaniġġjat aħjar

Iċ-Chadwick Lakes fejn bħal dan iż-żmien il-bniedem jiltaqa’ man-natura, joffri passiġġata mill-isbaħ fil-kampanja. Madankollu l-ambjentalista Alfred Baldacchino saħaq ma’ tvm.com.mt li l-post għandu jiġi mmaniġġjat ferm aħjar milli hu bħalissa.

Wied il-Qlejgħa jew kif inhu magħruf, iċ-Chadwick Lakes fl-istaġun tax-xita joffri waħda mill-aħjar sistemi li kienet saret fi żmien l-Ingliżi għall-ilqugħ tal-ilma, imma aktar minn hekk huwa għejjun tal-biodiversità.

Dan il-wied, xogħol l-inġinier Osbert Chadwick, inbena lejn tmiem is-seklu dsatax. Il-proġett kien maħsub biex l-ilma tax-xita jinġabar. Apparti jgħin lill-bdiewa fil-viċin jgħin biex l-ilma tax-xita joskula fil-blat biex jittella’ għat-tisqija għan-nixfa tax-xhur sajfin.

Dan il-wied, li jibda mil-Fiddien u jgħaddi minn dawn l-inħawi mtarġin lejn il-Wied tal-Mosta, jidher mimli ħajja bl-għelieqi tal-madwar jieħdu l-ilma tax-xita u jlestu l-art għaż-żergħa.

Alfred Baldacchino, studjuż tal-ambjent spjega kif il-wied huwa mizgħud bi speċi invażivi ta’ pjanti li jagħmlu ħsara ekoloġika u joħonqu l-ispeċi indiġeni bħall-virgi, il-luq, is-suffejra u l-fidloqqom.

“Is-siġar tal-Eucalyptus huma rinomati li jnixxfu l-post. Meta għandek l-ilma tant huwa prezzjuż f’Malta li qegħdin inixxfu l-ilma allura dan se jkollu impatt fuq il-ħlejjaq. Għandek ċertu ħanfus li jbid hawn. Meta jonqos l-ilma ma jibqax ambjentat għalih,” qal is-Sur Baldacchino.

Is-Sur Baldacchino appella biex dan il-post jiġi immaniġjat aħjar.

“Dan il-post ilu mitluq għal għexieren ta’ snin minħabba li wieħed ma jarax is-sbuħija tiegħu. Dal-post jista’ jservi aħjar għar-rikreazzjoni, għal studju, għall-aspetti turisitiċi. Jista’ wkoll joffri impjiegi fl-immaniġġjar tiegħu u fl-edukazzjoni tiegħu.”

Is-siġar tal-lewż imlibbsa bil-fjuri bojod u n-naħal bieżel idakkar minn fjuri mhux imbexxa minn kimika velenuża huma bħal noti fil-poeżija tan-natura.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Charlie, il-kelb tad-Dwana, irnexxielu jxomm u jaqbad passiġġier Yemeni li kien qed iġorr €14,064 fi flus mhux dikjarati. Il-passiġġier kien qed jistenna t-titjira tiegħu lejn l-Istanbul meta twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana. Bis-saħħa…

Kronaka

Tifel sofra xi ġrieħi wara li ntlaqat minn vettura f’Ħal Qormi. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30 fi Triq Manwel Dimech. Minn tagħrif li għandu TVM jirriżulta li t-tifel ittajjar minn karozza…

Kronaka

Sid ta’ karozza qed iwissi lil ħaddieħor biex isakkar il-vetturi  tiegħu wara li ġie misruq minn mara li nqabdet b’filmat tiftaħ u tħarbex f’i ħwejjeġ ħaddieħor. Fil-filmat, il-mara tidher qed tiftaħ…

Aktar