Protezzjoni Ċivili
Jappella biex in-nies ma tissograx bla bżonn – il-Protezzjoni Ċivili mħejjija għall-maltemp tal-lum

Fl-isfond tal-maltemp tal-lum, id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emmanuel Psaila, appella għall-kawtela u s-sens komun biex wieħed ma jpoġġix lilu nnifsu fil-periklu bla bżonn.

Meta kien qed jitkellem f’kollegament waqt l-aħbarijiet ta’ TVMNews+ dalgħodu, is-Sur Psaila qal li n-nies m’għandhomx jitilgħu f’postijiet fil-għoli u jevitaw postijiet fejn jaħkem il-baħar jew jgħaddi l-ilma, bħall-widien.

Fl-istess waqt sostna li m’hemmx lok għall-paniku, u wieħed m’għandux jitlob l-għajnuna tal-protezzjoni ċivili għalxejn. Semma bħala eżempju jekk wieħed jara xi siġar jiċċaqilqu – qal li dan huwa fenomenu naturali fil-maltemp, u wieħed għandu jċempel għall-għajnuna biss jekk siġra tkun verament se taqa’.

Żied li lejn l-aħħar tas-sajf id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jħejji ruħu għall-maltempati, u għalhekk il-ħaddiema tas-CPD huwa mħejjija għal dak kollu li jista’ jinqala’.