Lokali
Jappella biex min iħaddem jeżenta sagħtejn lill-ħaddiema biex jagħtu d-demm

L-għoti tad-demm għandu jibqa’ jkun għotja altruwistika mingħajr ebda premju jew kumpens anke biex ikun assigurat li d-demm li jingħata minn persuni b’mod volontarju. Stqarr dan id-Direttur Mediku tas-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm, Dr Alex Aquilina, li żied jgħid li ma jarax li l-ħaddiema għandhom ikunu skużati mix-xogħol biex jagħtu demm iżda jistgħu jingħataw konċessjoni mix-xogħol ta’ sagħtejn. Intant biex jiżdiedu d-donazzjonijiet tad-demm, sar ftehim biex il-Kunsilli Lokali jagħmlu inizjattivi mar-residenti tagħhom biex jagħtu d-demm.

Minkejja l-isfida biex jinġabru medja ta’ 50 borża demm kuljum, id-Direttur Mediku tas-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm, Dr Alex Aquilina, argumenta li l-għotja tad-demm għandha tibqa’ altruwista mingħajr wieħed ma jistenna xejn lura. Dr Aquilina qal li dal-prinċipju jgħodd ukoll għal persuni li biex jagħtu demm jistennew li jiġu skużati mill-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Madankollu appella lil min iħaddem biex anke huma jkunu ġenerużi fl-għoti tad-demm.

Dr Alex qal “li wieħed jieħu ġurnata off ma naħsibx li tibqa’ volontarja però li wieħed jieħu siegħa jew sagħtejn off mix-xogħol u l-employer jekk wieħed jista’ jibagħtu jekk jispiċċa fil-ħamsa, għal dakinhar li ser jagħti d-demm jiġi fit-tlieta għalina tkun t’għajnuna kbira.”

Dr Aquilina, qal li medja ta’ 30 pazjent kuljum jibbenefikaw mill-għoti tad-demm. Qal li s-sena li għaddiet ngħataw madwar 16,400 borża tad-demm li servew eżatti għall-ħtiġijiet tal-pazjenti.

“Jekk ma jkunx hemm id-demm ċerti mard tal-kanċer ma jistax jiġi trattat għax parti mill-kura għax parti mill-kura hija li bħala side effects tal-kura li jieħdu l-mudullun ma jkunx jista’ jipproduċi ċelloli tad-demm alura jkollhom bżonn id-demm. Nieħdu leukemia fit-tfal, anke ħafna kanċers fil-kbar però għandek operazzjonijiet bħal ċesarja, ma tistax issir jekk ma jkunx hemm demm available avolja ħafna drabi rari jieħdu demm imma r-riskju hemm ikun.” qal Dr Aquilina.

Dr Aquilina qal li s-sena li għaddiet kien hemm mat-22,000 persuna li taw id-demm. Madankollu, 5,000 persuna nstabilhom li ma jistgħux jagħtu d-demm minħabba raġunijiet varji fosthom livell tad-demm baxx, ikunu fuq xi mediċini jew għax ftit qabel kienu f’pajjiżi fejn ikun hemm mard infettiv.

F’inizjattiva maħsuba biex tkattar id-donazzjonijiet tad-demm, ġie ffirmat ftehim bejn iċ-Ċentru tat-Trasfuzzjoni tad-Demm u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex il-lokalitajiet jorganizzaw attivitajiet biex iħajru r-residenti jagħtu d-demm.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Mario Fava qal li s’issa madwar erbgħin kunsill qablu li jipparteċipaw f’din l-inizjattiva.

Mario Fava qal “bħala Assoċjazzjoni ser naraw li fl-aħħar tas-sena minn meta tibda l-attività jiġu ppremjati l-ewwel tliet kunsilli li jkunu għenu fl-ikbar ammonti ta’ boroż fis-sena”.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li minn nhar il-Ħadd il-Mobile Unit ser terġa’ tibda ddur il-lokalitajiet wara li sarilha l-manutenzjonijiet meħtieġa.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Bdiet tieħu l-forma triq ġdida, li skont il-pjani ta’ Infrastructure Malta, sa erba’ xhur oħra se tkun tista’ tibda tintuża mill-eluf ta’ vetturi li mill-Imrieħel jitilgħu ‘l fuq, lejn ir-Rabat…

Safar

Wara li tard ilbieraħ il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-Maltin se jkunu jistgħu jżuru 19-il pajjiż meta l-ajruport jerġa’ jibda jopera titjiriet normali mill-1 ta’ Lulju, illum il-Prim…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 kienet ikkontrollata f’Malta, fejn għalkemm ħafna nies inżammu d-dar iżda tpoġġew fi kwarantina. Semmiet il-fatt li l-RT erġajna niżżilniha, u din…

Aktar