Barranin
Jappella għall-kalma wara tilwim bejn il-Pulizija Iżraeljana u ġellieda Palestinjani

Il-Pulizija Iżraeljana u ġellieda Palestinjani tlewmu qrib il-parti l-antika ta’ Ġerusalemm f’tensjonijiet li qed jaħbtu maċ-ċelebrazzjonijiet tar-ramadan. Il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu appella għall-kalma.

Mijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija kienu stazzjonati fil-belt il-qadima fejn faqqa’ l-ġlied matul il-lejl.

Palestinjani garaw ġebel u flixkien fid-direzzjoni tal-pulizija li intervjeniet biex tferrex il-folol.

Ġerusalemm tibqa’ fiċ-ċentru tal-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani hekk kif Iżrael tiddikjara l-belt sħiħa inkluż il-parti tal-Lvant tagħha bħala territorju tagħha filwaqt li l-palestinjani jridu li din iż-żona ssir il-kapitali futura tal-istat Palestinjan.