Politika
Jappella lill-Gvern biex jgħin u jtaffi l-piżijiet finanzjarji tas-santwarju l-Arka ta’ Noe

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, appella lill-Gvern biex jgħin bi kwalunkwe mod possibbli biex itaffi xi ftit mill-piżijiet finanzjarji meħtieġa biex jitmexxa s-santwarju tal-Arka ta’ Noe fil-Mellieħa fejn hemm mal-112 kelb li sfaw abbandunati.

Waqt żjara fis-santwarju, Dr Delia radd ħajr lill-madwar 25 volontier li jagħtu sehemhom fl-għaqda mhux governattiva u appella għas-sehem ta’ iżjed volontiera. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-partit se jressaq proposti u programmi favur il-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali.

Uffiċjal li jaħdem mas-santwarju qal li l-ispejjeż għat-tmexxija taċ-ċentru jlaħħqu mal-25 elf ewro fis-sena. Qal li parti sostanzjali tal-ispejjeż huma mħallsa mill-kontribuzzjonijiet tad-donaturi iżda l-introjtu m’huwiex biżejjed biex ipaċi l-ispejjeż meħtieġa għaż-żamma tal-klieb.