Politika
Jappella lill-gvern jiddikjara emerġenza nazzjonali ambjentali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, wiegħed li gvern Nazzjonalista jreġġa’ lura d-demokrazija u jagħti lill-pajjiż viżjoni fit-tul li qal hi nieqsa fl-aġenda tal-gvern preżenti. F’mass meeting quddiem id-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, il-Ġimgħa filgħaxija, Dr Delia qal li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hi msejsa fuq kwalità ta’ ħajja aħjar bis-saħħa tal-ġid komuni. Hu appella lill-gvern biex jiddikjara emerġenza nazzjonali ambjentali u biex jissaħħu l-miżuri dwar it-tibdil fil-klima.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għall-pajjiż fejn l-ekonomija taħdem id f’id mal-ambjent, ħarsien akbar ta’ persuni vulnerabbli, istituzzjonijiet b’saħħithom li jaħdmu b’mod indipendenti fl-aħjar interess tal-poplu u pajjiż xprunat mill-innovazzjoni fejn in-negozju jimraħ mingħajr il-ħtieġa tal-korruzzjoni. Dr Delia qal li dan kollu għandu jwassal biex gvern Nazzjonalista jkun garanzija ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar bis-saħħa tal-ġid komuni.

F’mass meeting bħala parti mill-attivitajiet biex jitfakkar Jum l-Indipendenza, il-Kap Nazzjonalista qal li b’kuntrast ma’ din il-viżjoni, il-Gvern għandu ċ-ċpar u nuqqas ta’ pjan fit-tul li qed iwassal għal ħsara soċjali u ambjentali.

Dr Delia qal li minflok nipprotestaw mal-kumplament tad-dinja għal azzjoni immedjata favur il-klima dinjija, il-gvern ilbieraħ inawgura toroq ġodda li se jkomplu jimtlew b’aktar karozzi u tniġġis. Qal li f’Malta llum hawn l-agħar kwalità tal-arja fl-Unjoni Ewropea u appella lill-Prim Ministru biex jiddikjara emerġenza nazzjonali ambjentali.

Dr Delia qal li n-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern jidher ukoll fl-edukazzjoni fejn mhux jiġu attirati għalliema ġodda u esprima tħassib li t-tfal qed jitgħallmu f’kontejners minflok fi klassijiet. Kompla jgħid li s-sintomi ta’ nuqqas ta’ ippjanar jidhru wkoll fil-qasam tas-saħħa u fil-fatt li minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni aktar żgħażagħ mhumiex ilaħħqu mal-prezzijiet tal-proprjetà. Irrefera għad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li qal għandu fiduċja fiċ-Chairman u l-bord tal-MFSA. D Delia qal li hu m’għandux fiduċja fil-Prim Ministru, għax fi kliemu daħak bil-poplu.

Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni se tkompli tiġri wara l-Gvern biex iwieġeb għall-mistoqsijiet u ma jibqax għaddej bil-monoplju tas-skiet. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jikxef l-għemil tal-Gvern u ser jitkellem fejn ħaddieħor jibża’. Stqarr li ser ikun qed jieħu azzjonijiet fil-qrati, barra minn xtutna u jekk ikun hemm bżonn fit-toroq – biex terġa’ tinkiseb governanza tajba.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Kull sena f’Malta jfeġġu madwar 20 każ ta’ kanċer fit-testikoli. Hu stmat li kull sena jmutu żewġt irġiel b’dan il-kanċer. Stħarriġ li sar ix-xahar li għadda wera li tnejn minn…

Kronaka

Lejlet it-tieni anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tnieda rapport imħejji minn Reporters Without Borders u The Shift News dwar ċ-ċirkostanzi li fihom seħħ il-qtil, l-investigazzjoni li saret dwaru, ir-reazzjoni…

Immigrazzjoni

L-AFM għaddejja b’operazzjoni ta’ salvataġġ biex issalva 76 immigrant, fosthom 15-il mara li wħud minnhom qed iġorru tarbija, li jinsabu f’diffikultà bejn sema u ilma. Id-dgħajsa, li fuqha jinsabu l-immigranti,…

Kronaka

George Degiorgio, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, talab mill-ġdid għas-sospensjoni tal-proċeduri kontrih. L-avukat ta’ Degiorgio, Dr William Cuschieri talab lill-Prim Awla biex tissospendi l-proċeduri kontrih fil-Qorti…

Aktar