Lokali
Jappella sabiex il-kumpaniji jżommu l-ħaddiema fl-impjieg hekk kif l-ekonomija se tkun qed tirpilja

Waqt sezzjoni ta’ informazzjoni organizzata mill-MEUSAC dwar il-baġit Ewropew ta’ iżjed minn żewġ biljun ewro li Malta kisbet għas-seba’ snin li ġejjin, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela saħaq li Malta għandha timmira għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll investiment ġdid u mhux tmur għall-miżuri ta’ awsterità.

Il-Ministru Abela saħaq kif dan ser jagħti garanzija ta’ iktar xogħol għal ħaddiema Maltin u Għawdxin.

“Mill-aspett ta’ xogħol meta jiġi mqabbel mal-UE u anke internazzjonali fejn jidħol in-nuqqas ta’ xogħol pajjiżna kkontrolla sew u qed naraw fejn ħaddieħor kellu żieda ta’ 0.4% fil-qghad, f’pajjizna qed ikollna tnaqqis 0.4%”

Huwa appella lis-sħab soċjali sabiex jaraw li l-kumpaniji jżommu l-ħaddiema fl-impjieg, hekk kif l-ekonomija ser tkun qed tirpilja.

Il-Ministru Abela tkellem ukoll fuq ir-rispons tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-pandemija. Qal li l-Kummissjoni Ewropea ser tkun qed tvara diversi inizjattivi fost l-ohrajn in-Next Generation EU li se tagħti sostenn lill-pajjiżi membri biex dawn jirkupraw kemm jista’ jkun malajr.

Waqt il-laqgħa ntqal li mill-bidu tas-sena s’issa diġà ġew sottomessi ftit aktar minn 75 applikazzjoni permezz tal-għajnuna tal-MEUSAC minn diversi entitajiet bħal NGOs u kunsilli biex japplikkaw għal fondi varji tal-Unjoni Ewropea u li bihom jistgħu jsiru proġetti ta’ fejda għall-komunità.