Annimali
Jappellaw biex aktar klieb jiġu msewwija

L-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati qed tappella biex iżjed klieb jiġu msewwija f’miżura biex ikun evitat l-abbandun tal-annimali li qalet tinnota qiegħed jiżdied. Bħalissa s-santwarju tal-Assoċjazzjoni f’Birżebbuġa ma jiflaħx jieħu aktar klieb.

Xahrejn wara l-inawgurazzjoni ta’ santwarju ġdid mmexxi mill-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati, l-AAA bħalissa għandha l-ikbar numru ta’ klieb li tiflaħ iżżomm fil-post: 80. Il-manager tas-santwarju tal-klieb Rosalind Agius, qalet li madwar 30 kelb fix-xahar jinstabilhom familja, in-numru ta’ klieb abbandunati tant qed jiżdied li s-santwarju mill-ewwel jerġa jimtela’ u saħansitra hemm lista ta’ stennija għal klieb biex jidħlu f’dan is-santwarju.

Rosalind Agius qalet “aħna hawnhekk il-popolazzjoni nżommuha 80 kelb. Issa skont kemm jirnexxielna nsibulhom dar dejjem indaħħlu. Ġieli kellna waiting lists sħaħ ta’ klieb li lesti biex il-mument li nsibulhom dar jidħlu minflokhom u apparti minn hekk aħna ndaħħlu wkoll direttament mit-toroq, l-iktar klieb vulnerabbli… Fis-sajf ma nafx għal liema raġuni l-homing dejjem jonqos.”

Rosalind Agius enfasizzat fuq l-importanza li l-klieb jissewwew. Qalet li sa ftit snin ilu kienet topera f’Malta l-entità Ingliża Dog’s Trust li kienet toffri bla ħlas servizz ta’ tiswija tal-klieb. Sostniet li din issa m’għadhiex Malta minħabba li marret tgħin f’pajjiż ieħor u għalhekk qalet li fl-aħħar xhur kien hemm żieda sostanzjali fl-ammont ta’ klieb li ġew abbandunati.

“It-tiswija hija l-iktar ħaġa importanti. Kif twaqqaf il-ġenerazzjoni li tmiss tal-klieb li jitwieldu u jkunu diġà homeless. Jiġifieri dawn għadhom ma twieldux però se jkunu abbandunati. Imbagħad nibdew insibuhom kaxex ta’ puppies kullimkien, iktar klieb fit-toroq, allura qed ngħidu eżempju bdiewa, nies fuq benefiċċji soċjali, jew inkella ma jistgħux jaffordjaw jagħmlu neutering u ċ-ċippa biex jiġu wkoll skont il-liġi, aħna qegħdin nibagħtulhom voucher id-dar, jagħżlu minn lista ta’ 4 vettijiet u jistgħu jagħmlu kollox b’xejn biex forsi nnaqsu naqra l-abbandun u apparti minn hekk in-neutering huwa wkoll healthy għas-saħħa tal-annimal.”

Rosalind Agius qalet li s-santwarju tal-AAA jaħdem grazzi għad-donazzjonijiet tal-pubbliku u ta’ kumpaniji privati li jħallsu l-ikel u l-mediċini tal-klieb li qalet huma importanti ħafna.