Ambjent
Jappellaw biex jitħarsu l-għadajjar naturali

L-Għaqdiet Nature Trust u Birdlife sostnew li l-għadajjar huma importanti ħafna kemm għall-ħajja naturali kif ukoll għall-bniedem filwaqt li jinħaqdu mal-bqija tad-dinja biex fakkru l-Jum Dinji tal-Għadajjar.

Fl-1997 beda jkun imfakkar il-Jum Dinji għall-Għadajjar bil-għan li tinħoloq kuxjenza dwar il-ħtiega li dawn jingħataw protezzjoni ħalli tkompli tiffjorixxi l-ħajja naturali u anke jservu ta’ ġid għall-bniedem. Fl-għadajjar Maltin hemm ukoll il-ħuta endemika ta’ Malta magħrufa l-Bużaqq. James Gabarretta min-Natura Trust spjega li dawn l-għaddajjar huma importanti għal biodiversita u l-eko sistema.

James Gabarretta, Manager Nature Trust qal “importanti għax ċertu tip ta’ pjanti jikbru f’dan it-tip ta’ abitati biss bħall-coastal plants, ċertu tip ta’ għasafar tal-passa hawnhekk biss issibhom. L-effett ta’ dawn l-għadajjar itaffu l-effetti tal-għargħar fi żminijiet tax-xita, li jipprovdu servizzi ta’ rikreazzjoni lin-nies”.

In-Nature Trust li għadha kif ingħatat ir-responsabiltà għaż-żona magħrufa bħala l-Ballut ta’ Marsaxlokk qed tkompli taħdem biex tipproteġi l-abitati bħal dawn li fihom hemm l-għadajjar. Għal dan il-post naturali tħejja pjan biex jerġa’ jittieħed lura għall-istat oriġinali minħabba li l-kurrenti tal-baħar ikkawżaw ħsarat.

James Gabarretta qal “nikklamjaw ftit mill-art bi skopijiet ta’ ekoloġija billi nużaw l-affarijiet li qegħdin onsite biex intaffu l-effetti tal-erosion. Qed inħawlu siġar li ssibhom f’dawn l-abitati biss bħal virgi u bruka li huma pjuttost retritti fir-rang tagħhom”.

Għall-Jum Dinji tal-Għadajjar li tfakkar min-Nature Trust flimkien mal-Birdlife intgħażlet it-tema ‘L-Għadajjar u t-Tibdil fil-Klima’. F’dan il-Jum iż-żewġ għaqdiet ħadmu flimkien biex iqanqlu kuxjenza dwar l-importanza li għandhom l-għadajjar kemm għall-ħajja fin-natura kif ukoll għall-bniedem.